Il-Kummissjoni Pastorali fid-Dinja tax-Xogħol, f’laqgħa li kellha, wriet id-dispjaċir tagħha għad-deċiżjoni li ttieħdet dan l-aħħar, li stabbilimenti kummerċjali ngħataw permess li jiftħu f’festi pubbliċi li jaħbtu l-Ħadd. Il-Kummissjoni dejjem sostniet li l-Ħadd huwa Jum il-Mulej, Jum ta’ mistrieħ, Jum tal-familja u Jum soċjali. Għal ħafna ħaddiema, dawn il-festi pubbliċi se jsiru ġranet ta’ xogħol li jkun ifisser anqas mistrieħ u ħin għalihom.

Il-Kummissjoni taf li s-soċjetà Maltija qegħda tinbidel, imma l-valuri, il-kultura, id-drawwiet u t-twemmin tagħna l-Maltin għandna ngħozzuhom u mhux nbiegħuhom. L-istil tal-ħajja tal-Malti qegħdha tinbidel u qed jinbidel ukoll dak li għall-ħaddiem Malti huwa sinjifikanti mill-aspett reliġjuż, kulturali u soċjali.

Fi stqarrija maħruġa f’Awwissu 2010 bit-tema ‘IL-ĦADD: DRITT TA’ MISTRIEĦ GĦAL KULĦADD’, il-Kummissjoni insistiet, għax għarfet li kien beda jsir diskors fuq ix-xogħol fil-jum tal-Ħadd, dwar il-ħtieġa li nħarsu dan il-Jum għall-ġid tal-istess ħaddiem. F’din l-istqarrija wrejna wkoll l-apprezzament tagħna lejn dawk il-ħaddiema, li minħabba s-servizz bżonnjuż li jagħtu lis-soċjetà, jkollhom jaħdmu l-Ħadd, bħal puliżija, ħaddiema tal-isptar, tat-trasport u dawk li jaħdmu fil-lukandi u fir-ristoranti. Xorta waħda narawh ġust li wkoll lil dawn il-ħaddiema jitħallilhom ħin biex huma jistrieħu u jkunu jistgħu jgħixu b’mod dinjituż il-ħajja soċjali, reliġjuża u kulturali tagħhom.

Nixtiequ nsostnu mill-ġdid il-bżonn ta’ mistrieħ xieraq li għandu jkollu kull ħaddiem filwaqt li nifhmu wkoll li x-xogħol huwa mportanti għall-bniedem, kemm għalih biex iħossu qiegħed jagħti sehmu fis-soċjetà, kemm għall-Knisja għax bix-xogħol qegħdin ningħaqdu mal-Ħallieq biex nibnu dinja aħjar, kif ukoll għall-familja li l-ħaddiem irid imantni. Il-festi qegħdin hemm ukoll biex il-ħaddiem, wara ġranet ta’ xogħol, isib ħin għalih, għall-familja, għat-twemmin tiegħu u għall-ħajja soċjali tiegħu.

Il-Kummissjoni tixtieq tfakkar li l-Ħadd huwa dritt tal-ħaddiem u mhux privilleġġ. Dritt li ilu mħares, u li kien hemm żmien li min hu ta’ ċertu età jiftakar meta l-ħaddiem stinka biex dan id-dritt jingħatalu, u li issa sejrin inċaħħduh lil tant ħaddiema.    Hawnhekk nistaqsu   jekk issa ħaddiem jistax jirrifjuta li jaħdem il-Ħadd minħabba t-twemmin tiegħu, jew jekk se jiġi impost fuq il-ħaddiem iż-żgħir? Nerġgħu ntennu li m’aħniex nitkellmu fuq xogħol li ma jistax isir l-għada, imma fuq xogħol li nistgħu nagħmluh ġurnata qabel jew wara. Għalfejn issa ħa nieħdu l-Ħadd ukoll, Jum li għandu tifsira speċjali għall-Malti, mhux biss mil-lat reliġjuż imma wkoll mil-lat soċjali.

L-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa meta tfisser x’inhi saħħa mentali tgħid hekk: stat ta’ għixien tajjeb fejn dak li jkun jagħraf l-ħiliet tiegħu, ikun jista’ jlaħħaq mal-istress li ġġib magħha l-ħajja, ikun jista’ jaħdem u jkun jista’ jagħti s-sehem tiegħu lis-soċjetà. Din it-tifsira tfakkar lil min iħares id-drittijiet tal-ħaddiema fuq il-bżonn li jkollhom għixien tajjeb. Ħajja xierqa, xogħol xieraq…dan hu kliem sabiħ li bil-Malti jfisser ħallulna l-Ħdud u l-Festi għall-mistrieħ, għall-familja, għalina nfusna l-ħaddiema, ħallulna dan il-Jum biex nirringrazzjaw lil Sid ix-Xogħol.

Il-Ħdud u l-Festi huma wkoll jiem soċjali fejn dak li jkun jiċċelebra bħala soċjetà l-istorja u t-twemmin tiegħu. Dan hu li l-Kummissjoni trid tenfesizza, li nħallu spazju lill-ħaddiem biex ikollu wkoll ħin u spazju għall-ħajja soċjali tiegħu.

Il-Kummissjoni Pastorali fid-Dinja tax-Xogħol, f’Ottubru 2010 organizzat ukoll diskussjoni mal-imsieħba soċjali fuq l-istess suġġett u konna staqsejna, u deher li qbilna, dwar jekk  se nestendu kull tip ta’ xogħol bħala servizz li hemm bżonn isir il-Ħadd? Issemmew l-abbużi li jsiru fejn xogħol żejjed (sahra) u xogħol li jsir il-Ħdud mhux jitħallas sew. Issemma wkoll li f’pajjiżna llum l-ekonomija hija predominanti bil-konsegwenza li  qed ninsew l-aspett soċjali bi ħsara għall-familja Maltija. Tajjeb li min hu responsabbli tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiem jirrifletti fuq dan biex naraw x’inhu l-aħjar għall-ħaddiem, li fuq kollox ifisser dak li hu l-aħjar għall-pajjiżna.

Il-Malti jgħid li għal magħmul ma hemmx kunsill, imma xorta nisħqu li din id-deċizjoni  m’ hijiex tal-aħjar interess għal ħaddiem u għalhekk nħeġġu lil dawk li jħaddmu u li huma nsara biex jagħrfu jirrispettaw it-twemmin tagħhom u jirrispettaw il-ħaddiema tagħhom b’mod sħiħ.

Id-deċiżjoni ttieħdet u l-Kummissjoni, għalkemm ma tabqilx magħha, temmen li kienet intenżjonata tajjeb, kemm minħabba l-aspett ekonomiku u anke minħabba l-istil ta’ ħajja tal-lum fejn dak li jkun irid jinqeda anke f’dawn il-jiem ta’ festi. F’dan il-mument il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni li fid-deċiżjonijiet li jittieħdu nisimgħu lil kulħadd, anke lil min għandu ideat differenti, biex dak li nfasslu jkun l-aħjar għall-ħaddiem u l-familja tiegħu.