L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Hemm tliet kelmiet li l-Papa Franġisku juża diversi drabi, u speċjalment użahom f’dawn l-aħħar xhur, biex ifisser l-istil ta’ Alla. Jgħid – dawn huma l-kelmiet tiegħu – viċinanza, kompassjoni, u tenerezza. Dawn narawhom ħafna fil-ħajja ta’ Ġesù, u f’dan ir-rakkont li smajna mill-Evanġelju skont San Mattew, narawhom jispikkaw b’mod sabiħ.
L-ewwel nett: viċinanza, jiġifieri li Alla hu qrib il-bniedem. Lil Ġesù dejjem narawh qrib in-nies, qalb in-nies, mhux maqtugħ minnhom. Mhux biss qalb il-folla, imma qalb l-individwi b’mod personali, bħalma naraw fl-Evanġelju llum. L-ewwel wieħed mill-kapijiet jgħidlu biex iqajjem mill-mewt lil bintu, u Ġesù hekk għamel; imbagħad, hu qrib ukoll dik il-mara li misset tarf il-libsa. X’ninnutaw? Li Ġesù hu qrib il-morda, qrib dawk li għaddejjin minn tbatija, qrib dawk li tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom, qrib dawk li huma mwarrbin, l-emarġinati. U f’dan ir-rakkont joħroġ b’mod speċjali kif Ġesù hu qrib ta’ kulħadd: ma jagħmilx distinzjoni bejn min hu mlaħħaq, ta’ pożizzjoni għolja, u min hu ta’ ħajja li aħna nsejħulha ‘ordinarja’. L-ewwel wieħed li kellmu kien wieħed mill-kapijiet, u kellu lil bintu li għadha kif mietet, u Ġesù mar miegħu biex iqajjimha mill-mewt. U fit-triq hemm din il-mara, li lanqas nafu isimha, li misset tarf il-libsa, mara ta’ ħajja mill-aktar ordinarja li ħafna lanqas kienu jafu biha, naturalment – Ġesù għalih, il-wieħed u l-oħra, kulħadd hu importanti, kulħadd jiswa.
Il-Papa Franġisku jixtieq li aħna jkollna din l-esperjenza ta’ Alla: Alla li hu qrib tagħna, mimli kompassjoni u mimli tenerezza.
Ġesu hu mimli kompassjoni. Jiġifieri jħoss, jaqsam it-tbatija, jimpurtah, jagħti kas. Hawn fir-rakkont naraw li dik il-mara li misset tarf il-libsa biex tfiq ma tfittixx li tkellmu lil Ġesù personalment, imma hu jieqaf biex ikellimha, biex jaqsam magħha t-tbatija tagħha, jagħmlilha l-qalb, jinkoraġġiha u jsaħħaħha fil-fidi tagħha. Ġesu hu mimli kompassjoni.
Dan narawh ukoll meta jmur biex iqajjem mill-mewt lit-tifla. Hemmhekk naraw ħafna t-tielet karatteristika li jsemmi l-Papa Franġisku, it-tenerezza – jiġifieri, l-għożża, il-ħlewwa, il-ġentilezza. Kemm toħroġ b’mod sabiħ it-tenerezza f’dan ir-rakkont! Speċjalment hemm dettall partikulari, meta jgħid li Ġesù daħal, neħħa l-istorbju li kien hemm madwar – in-nies li kienu qed jagħmlu storbju – u fil-kwiet lit-tifla qabadha minn idha u qajjimha għal ħajja ġdida. Dan il-ġest juri tassew din it-tenerezza ta’ Alla.
Il-Papa Franġisku jixtieq li aħna jkollna din l-esperjenza ta’ Alla: Alla li hu qrib tagħna, mimli kompassjoni u mimli tenerezza. Nistgħu nagħmlu din l-esperjenza jekk aħna, bħal dawn in-nies tar-rakkont, ikollna fiduċja fih. Dak il-kap mar inxteħet f’riġlejn Ġesù biex jitolbu jqajjem għall-ħajja lil bintu, u dik il-mara ħasbet li mqar tmiss tarf il-libsa; kellhom dil-fidi fih, u għalhekk setgħu jagħmlu din l-esperjenza sabiħa ta’ Alla.
Li jixtieq minna l-Mulej hu li aħna, dixxipli tiegħu, mhux biss nagħmlu din l-esperjenza tiegħu, imma li aħna wkoll ikollna dan l-ispirtu tiegħu mal-oħrajn. Jiġifieri nkunu qrib l-oħrajn, speċjalment dawk li għaddejjin minn tbatija, inkunu mimlija kompassjoni u tenerezza mal-oħrajn. Kemm tkun isbaħ il-ħajja tagħna fil-familji tagħna, fir-residenzi differenti tagħna, fil-postijiet tax-xogħol, kull fejn niltaqgħu, jekk aħna jkollna tassew dan l-istil ta’ Alla bil-mod kif nittrattaw lil xulxin! Nitolbu lill-Mulej illum li aħna nagħmlu din l-esperjenza sabiħa tiegħu, biex aħna wkoll b’dan l-ispirtu tiegħu nittrattaw lill-oħrajn, jiġifieri nkunu qrib tagħhom, mimlija kompassjoni u tenerezza magħhom.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju