https://youtu.be/pcSKEWb5tnk

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ħabib… min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?” (Lq 12:14) Din hija r-risposta ta’ Ġesù lil dak il-bniedem li minn qalb il-folla għajjat u qallu: “Mgħallem, għid lil  ħija jaqsam il-wirt miegħi” (Lq 12:13). Issa aħna nifhmu lil dal-bniedem, għax ma setax isib xi ħadd aħjar minn Ġesù biex ikun imħallef jew iqassam il-ġid b’mod ġust. Imma Ġesù, li jagħraf lilhinn minn dak li jidher, għaraf li ma kienx il-mument meta hu jidħol f’din il-biċċa xogħol bejniethom, imma ried ukoll li jieħu din l-okkażjoni biex jagħti messaġġ importanti lin-nies – u lilna llum – fuq ir-regħba. Ġesù jgħid: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba” (Lq 12:15).

X’inhi r-regħba? Hija meta inti trid dejjem takkwista aktar, trid li jkollok aktar, u aktar, u aktar, u ma tkunx kuntent jew kuntenta qabel ma tkompli taħdem biex ikollok aktar. Dik il-kilba biex ikollok flus, proprjetà, affarijiet – kilba li ma tħallikx, fil-fatt, fil-paċi għax dejjem trid iktar. Din hija r-regħba. U Ġesù jgħidilna biex niftħu għajnejna minn kull regħba.

X’tagħmel ir-regħba? Ir-regħba ġġagħlek taħseb biss fik innifsek – dak li jaqbel lili, li rrid jien, il-ġid għalija, kollox għalija. Għalhekk tagħmlek iktar u iktar egoist. Meta inti taħseb fik innifsek, ma tagħtix każ tal-bżonnijiet tal-oħrajn. Ara dar-raġel tal-parabbola: meta kellu ħafna, ma qalx: ħa naħseb f’xi ħadd li hu fil-bżonn; waqt li jien niġbor għalija, ħa naħseb f’ħaddieħor. Xejn! Anzi ried iħott l-imħażen biex ikompli jiġma’ l-ġid u jpoġġih għalih. Din hija r-regħba – dan l-egoiżmu, li tfittex dejjem għalik. U nafu li mbagħad tista’ tagħmel ħafna ħsara wkoll – bħal min, per eżempju, minħabba r-regħba, jirrovina l-ħolqien ta’ Alla bil-bini li jibni għalih. Jirrovina l-ambjent li jgawdi minnu kulħadd biex jibni xi ħaġa għalih biex igawdi minnha hu.

X’tagħmel ir-regħba? Ir-regħba ma tħallik qatt bil-paċi f’qalbek, għax qatt ma int kuntent jew kuntenta b’li għandek, imma dejjem trid xi ħaġa oħra. Ġesù mhux qed jgħid li aħna ma għandniex naħdmu għall-ġid tagħna u tal-familja, u nirsistu. Dik hija ħaġa tajba. Imma hu qed jgħid meta int mhux taħdem biex il-ħajja tiegħek u tal-oħrajn tkun deċenti u tajba, u tixraq id-dinjità ta’ kulħadd; imma qed jgħid meta inti dejjem trid, u qatt ma tkun bil-paċi f’qalbek. Nifhmu li meta tkun hekk, lanqas tgawdi verament il-ġid. Għax qalbek ma tkunx fil-paċi.

X’tagħmel ukoll ir-regħba? Ġesù jgħidilna b’mod ċar fil-parabbola xi ħaġa importanti ħafna li rridu niftakruha: ma aħniex se nieħdu l-ġid li nakkumulaw jew proprjetà, ma aħniex se neħduhom magħna meta hu jsejħilna għall-ħajja ta’ dejjem. Meta Ġesù jsejħilna biex intemmu l-ħajja tagħna hawnhekk u mmorru għall-ħajja ta’ dejjem, ma nistgħux ngħidulu: ħa nġib miegħi biċċa bini, jew art, jew ftit flus, ħa nġib dan miegħi. Ma nieħdu xejn magħna! Kollox inħallu hawn lil ta’ warajna. U dan hu li jgħid Ġesù proprju fil-parabbola, meta jgħid: “Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik ta’ min ikunu?” (Lq 12:20) X’nieħdu magħna fil-ħajja ta’ dejjem? Il-ġid li nkunu għamilna mal-oħrajn. Dak, iva! Mhux il-ġid li nkunu akkumulajna aħna għalina nfusna.

Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati minn din il-kelma tiegħu li tant hija prattika għall-ħajja tagħna, nitolbuh li dejjem nużaw b’mod tajjeb, b’mod ġust, il-ġid li hu jipprovdilna, il-ġid li hu jagħtina, b’mod li qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta