• Il-President ta’ Malta George Vella ltaqa’ mal-Kummissjoni Emiganti, bi żjara f’Dar l-Emigrant fil-Belt u s-Sorijiet tal-Bon Pastur f’Ħal Balzan, li joffru diversi servizzi b’xejn lill-immigranti li jiġu Malta jfittxu ħajja aħjar minn art twelidhom minħabba gwerra jew faqar.

    Il-President Vella ngħata merħba minn Monsinjur Alfred Vella u Monsinjur Philip Calleja mal-wasla tiegħu f’Dar l-Emigrant fil-Belt Valletta. Hawnhekk iltaqa’ mal-immigranti li jibbenefikaw mis-servizzi ta’ din l-għaqda mhux governattiva, filwaqt li tkellem mal-voluntiera li jaħdmu f’dan il-qasam.

    Filwaqt li faħħar ix-xogħol li qed isir mill-Kummissjoni Emigranti u rringrazzja lill-voluntiera għax-xogħol siewi li qed jagħmlu, il-President Vella qal li l-qtil riċenti ta’ Lassine Cisse Souleymane huwa “tebgħa fuq il-kuxjenza Maltija” u sostna li l-qalb Maltija tikkundanna atti bħal dawn.

    Dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, il-President qal li Malta qed tisħaq fuq il-qsim tal-piż bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.  Spjega kif pajjiżna qed jipprova jissensitizza pajjiżi oħrajn biex tingħeleb l-ideoloġija popolista ta’ kontra l-immigrazzjoni.

    Mons. Vella qal li l-Kummissjoni Emigranti tipprovdi 400 sodda f’14-il post differenti lill-immigranti, fosthom fil-Bon Pastur. Spjega kif il-funzjoni ta’ Dar l-Emigrant inbidlet mas-snin u minn servizzi li kienu jingħataw lill-Maltin li jemigraw, illum qed tgħin lil immigranti li jiġu Malta.

    Infatti, il-President u s-Sinjura Vella żaru l-arkivji f’Dar l-Emigrant fejn hemm mat-12,000 applikazzjoni għall-passaporti tal-Maltin li emigraw, kif ukoll mat-30,000 applikazzjoni ta’ migranti li talbu ażil f’Malta f’dawn l-aħħar 50 sena.

     

  • Ritratti: DOI – Omar Camilleri u Clodagh Farrugia O’Neil