L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Elfejn sena ilu qabel ma twieled Ġesù meta r-re jew l-imperatur kien jagħmel vjaġġ biex imur minn pajjiż għal ieħor, qablu kien jibgħat messaġġiera, u jibdew jgħidu lin-nies: ‘Ħejju t-triq għax ġej is-sultan, għax ġej l-imperatur.’ U kien ikollhom nies li qabel ma jgħaddi l-imperatur kienu jirranġaw it-toroq.

Qabel ma ġie Ġesù, qabel deher, qabel beda jgħallimna, kien hemm raġel li uża l-istess kliem lil dawk li kien qed jisimgħuh. Qalilhom, “Ħejju t-triq tal-Mulej” (Mt 3:3). Din hija l-aħbar it-tajba. Fil-fatt l-aħbar li ġej is-sultan kienu jgħidulha ‘l-aħbar it-tajba’ għax ġej is-sultan. Xi tfisser tħejji t-triq? Aħna qed nippreparaw biex nagħmlu festa kbira. Diġà bdejna – għall-miġja ta’ min? Fil-Milied min jiġi fostna? Ġesù. Mhux Father Christmas. Ġesù.

Fr Christmas huwa l-qaddej ta’ Ġesù. Ilbieraħ kellna l-festa ta’ San Nikola. Father Christmas huwa San Nikola. Aħna għandna lil Fr Nicholas msemmi għalih. Ngħidulu: ‘Il-festa t-tajba’. Għandu isem sabiħ ħafna għax ifakkarna f’isqof li kien iħobb lit-tfal u ż-żagħżagħ u kien iġibilhom xi rigal ċkejken bħalma jagħmel Father Christmas għal min ikun bil-għaqal.

Imma Ġesù qed nippreparaw għalih billi l-ewwel nett nagħżlu li ngħixu – ħa nistaqsikom – ħajja tajba jew ħajja ħażina? Ħajja tajba. Issa l-ħajja tajba taf kif tinġabar f’kelma waħda? Ħa nagħtikom għażla oħra.

Jekk irrid ngħix ħajja tajba, x’nagħżel imħabba jew mibegħda? X’nagħżel? L-imħabba. (Ara kemm huma bravi t-tfal taż-Żurrieq.) Nagħżel l-imħabba. Mela jekk jiena iġġilidt ma’ xi ħadd – nagħmel paċi, naħfirlu/naħfrilha jew nibqa’ niġġieled? X’nagħżel? Naħfirlu.

Ara dawn il-pubblikani li marru għand Ġwanni l-Battista qalulu: “X’għandna nagħmlu?” (Lq 3:12) Hu qalilhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu” (Lq 3:13). Imbagħad meta tikbru tkunu tafu xi tfisser din il-ħaġa. Naqra tqila dil-kelma. Lis-suldati qalilhom: “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom” (Lq 3:14). Ġwanni l-Battista, lil kull min staqsih ‘x’għandi nagħmel?’ qallu kif hu jgħix ħajja tajba. Intom stess għidtu ‘tagħżel l-imħabba, il-paċi u l-maħfra.’

L-aħħar mistoqsija biex naraw jekk nistgħux nippreparaw t-triq tal-Mulej. Ħa nagħtikom għażla. Għiduli intom. Jekk ikun hemm xi ħadd fil-bżonn, ngħinu jew ma ngħinux? Ngħinu. U dan ix-xahar, għall-grazzja t’Alla, aħna l-Maltin u l-Għawdxin ikollna ħafna okkażjonijiet fejn inkunu t’għajnuna għal xulxin. Naf li anke l-President, fl-iskejjel tagħna titlobkom tagħtu xi ħaġa għall-Malta Community Chest Fund, pereżempju. Ħaġa sabiħa.

Issa aħna nitolbu, aħna ż-żgħar, u jiena ngħodd magħkom, u l-kbar inħejju għall-Milied mhux biss bit-tiżjin imma wkoll b’qalbna. San Pawl, l-Appostlu Missierna, fit-tieni qari li smajna, juża dawn iż-żewġ kelmiet sbieħ: “Ġesù waqt li nistennewk agħtina il-paċi u l-faraġ” (ara Rum 15:4).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 11:1-10
Salm: 71(72):1,7-8,12-13,17
Qari II: Rum 15:4-9
L-Evanġelju: Mt 3:1-12

Aktar ritratti