Hija x-xewqa tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna li matul ix-xahar ta’ Ottubru jingħad kuljum ir-rużarju quddiem Ġesù Sagramentat espost fil-knejjes fejn tinżamm l-Ewkaristija u wara tingħata l-Barka Sagramentali.

Naturalment, hu importanti li f’dan ukoll kulħadd isegwi l-miżuri preżenti għall-ħarsien tal-ħajja u tas-saħħa ta’ kulħadd, b’mod partikulari s-sanitisation, id-distanza soċjali u l-użu tal-maskra jew visor.

Tkun ħaġa sabiħa wkoll li matul dan ix-xahar tingħad, b’ħeġġa u devozzjoni, it-talba tar-rużarju fil-familja.

It-talba tar-rużarju ssir skont l-intenzjonijiet tal-Papa u tal-Isqfijiet u biex Ommna Marija, saħħa tal-morda, tagħtina l-għajnuna f’dan iż-żmien diffiċli tal-pandemija tal-Covid-19.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Isqof Awżiljarju

Charles Bugeja
Assistent Kanċillier