L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fil-festa ta’ Santa Briġida, dan l-Evanġelju jispjegalna forsi l-qalb ta’ din il-qaddisa li magħrufa wkoll bħala mara ta’ mistiċiżmu awtentiku u kbir.

Fil-fatt, nistgħu ngħidu li kienet magħżula minn Alla biex tkun profeta għall-Knisja. Briġida, anke mqanqla mit-talb u bil-kuntatt kontinwu ma’ Ġesù, kienet tħares lejn il-kapijiet ta’ żmienha — kemm reliġjużi kemm ċivili — u kienet tiktbilhom ittri qawwija ħafna b’mod anke dirett. Kienet tħoss li qiegħda twasslilhom propju t-twissija biex jimxu fuq l-Evanġelju ta’ Ġesù. Huma li kienu Nsara, ma jkunux biss Insara tal-isem imma wkoll fil-fatti, ma jkunux friegħi maqtugħa minn din id-dielja li huwa Ġesù imma jkunu ħaġa waħda miegħu (ara Ġw 15:4).  Briġida kienet ukoll bniedma ta’ ġenerożità kbira.

It-talb iwassal għall-imħabba. Jiena naħseb dan huwa l-mod kif nirrealizzaw jekk it-talb tagħna huwiex ta’ vera. Qed jgħini nikber fl-imħabba? Qed jgħini nagħder iżjed lill-proxxmu? Jew minħabba t-talb li għandi, qed niġġudika, qed inkun aħrax u qed nonqos mill-paċenzja? It-talb għandu frott differenti. It-talb iwasslek biex tkun profeta għall-Knisja imma qatt ma tonqos mill-karità.

Santa Briġida kienet magħrufa għall-kelma diretta tagħha. Lil Papa Urban V, pereżempju ta’ żmienha qaltlu kemm-il darba biex imur lura fil-belt ta’ Ruma fejn kien isqof. Hu kien jibża’ għaliex fi żmienha, Ruma kienet propju meħuda minn familji kważi mafjużi li kienu jiġġieldu bejnietheom u jagħmlu ħerba mill-belt, u l-papiet ma kinux siguri. Imma Santa Briġida kienet xorta tinsisti ħafna li l-papa jrid ikun mal-poplu tiegħu.

Anke bl-interċessjoni ta’ Santa Briġida, nitolbu li aħna l-isqfijiet nkunu dejjem mal-poplu tagħna. Il-Papa San Ġwann Pawlu II, fl-1999, għażel tliet nisa bħala kopatruni tal-Ewropa. Fosthom hemm Santa Briġida flimkien ma’ Santa Katarina ta’ Siena u Santa Edith Stein jew magħrufa bħala Santa Tereża Benedetta tas-Salib.

Santa Briġida, għalhekk, tinterċedi għall-kontinent tagħna, għall-Ewropa. Hija tirrapreżenta l-Ewropa ta’ Fuq, l-Iskandinavja. Kienet wild għażiż tal-Isvezja fejn hi wkoll midfuna għaliex wara mewtha, tnejn minn uliedha, fosthom bintha Katarina, ħadu l-ġisem tagħha l-Isvezja u l-qabar tagħha għadu magħna sal-lum fil-monasteru ta’ Vadstena. Hija meqjuma wkoll mil-Luterani għax hija verament mara straordinarja li l-Isvezja tat lill-Ewropa, lill-Knisja u lid-dinja.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Gal 2:19-20
Salm: 33
Evanġelju: Ġw 15:1-8