Nixtiequ nħeġġukom biex nitolbu ħalli naqilgħu mingħand Alla l-grazzja tas-saħħa fir-ruħ u fil-ġisem u biex titrażżan u titwaqqaf il-Coronavirus Covid-19 fid-dinja. Nitolbu għal dawk kollha milquta u għal dawk kollha li qegħdin joffru s-servizzi tagħhom u jieħdu deċiżjonijiet b’risq is-saħħa.

Għalhekk, l-adorazzjoni li ssir fil-parroċċa l-Ħamis 12 jew il-Ġimgħa 13 ta’ Marzu 2020 kif ukoll ir-reċita tar-Rużarju għandhom isiru għal din l-intenzjoni. Inħeġġu wkoll lill-familja li titlob it-talba tar-Rużarju flimkien.

Miżura ġdida mitluba mill-awtoritajiet tas-saħħa hi li ma jkunx hemm ilma mbierek fil-fonti tal-ilma mbierek fil-knejjes. Għalhekk għandu jitneħħa l-ilma mbierek mill-fonti.

Infakkru wkoll f’dak li diġà ġie kkomunikat, li sakemm jingħataw direttivi oħra, it-Tqarbin Ewkaristiku bl-ostja għandu jsir biss fl-idejn u mhux fil-ħalq. Fil-każijiet permessi għal Tqarbin mill-kalċi, it-Tqarbin m’għandux isir billi wieħed jixrob direttament mill-istess kalċi, iżda biss ‘per intinctionem’.

Nerġgħu nfakkru wkoll li min jiċċelebra l-Quddiesa għandu jassigura ruħu li jkun iddiżinfetta jdejh sewwa qabel ma tibda l-Quddiesa u qabel jibda jqarben. Il-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin ukoll għandhom jiddiżenfettaw idejhom qabel ma jqarbnu. Ikun tajjeb li n-nies preżenti għall-quddiesa jkunu assigurati minn dan.

Kif nafu, hi responsabbiltà tagħna lkoll li nieħdu l-miżuri kollha biex nevitaw dak kollu li b’xi mod jista’ jxerred il-mard, speċjalment fejn jinġabru numru kbir ta’ nies bħall-knejjes jew swali tal-Knisja.

F’kull miżura li tittieħed, aħna se nimxu mad-direttivi u l-indikazzjonijiet li jingħataw mill-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta. Jekk ikun hemm xi żviluppi, ninfurmawkom minnufih.

Maħruġa mill-Kurja Arċiveskovili ta’ Malta, il-Furjana, illum 9 ta’ Marzu 2020.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali

Lawrence Gatt                            
Kanċillier      

Click here to watch the Archbishop’s vlog on prayers and preventive measures to contain and halt the Coronavirus

For more information on COVID-19 visit www.covid19malta.info.