• Il‑Ħamis 2 ta’ Frar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna fetaħ il‑proċess tal‑kawża għall‑beatifikazzjoni u għall-kanonizzazzjoni ta’ Patri Avertan Fenech, fil‑Knisja tal‑Madonna tal‑Karmnu, l‑Imdina. Wara, fl‑istess Knisja huwa bierek ix‑xemgħat u ta’ bidu għall‑purċissjoni lejn il‑Katidral biex ikompli l‑Quddiesa Pontifikali li saret fil‑festa tal‑Preżentazzjoni tal‑Mulej fit‑Tempju, filwaqt li ċċelebra Jum il‑Ħajja Kkonsagrata.

    Click here to see all photos of the Celebration of Mass.

  • The Opening of Fr Avertan Fenech’s Case to Sainthood


  • The Celebration of Mass on YouTube

  • Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Katidral tal-Imdina
    2 ta’ Frar 2017

    “Meta għalqilhom iż-żmien għat-tisfija tagħhom” (Lq 2, 21). L-Evanġelju tal-lum jibda b’din l-espressjoni li għall-familja Lhudija kienet tfisser li mit-twelid tat-tarbija kienu għaddew erbgħin jum skont il-liġi ta’ Mosè. Il-familja ta’ Ġesù, Ġużeppi u Marija hija sottomessa għal-liġi bħal kull familja Lhudija oħra, sottomessa għal-liġi ta’ Mose. Ġesù ta’ erbgħin jum jittieħed Ġerusalemm u jidħol għall-ewwel darba fit-Tempju. Daħal diversi drabi oħra matul ħajtu fuq din l-art. Daħal biex ikeċċi l-bejjiegħa tat-tempju, daħal biex jgħid li huwa d-dawl tad-dinja. Illum ma jgħidhiex hu din il-kelma, imma jgħidha Xmun, dan “ir-raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Israel li l-Ispirtu s-Santu kien fuqu” (v. 25).

    Aħna u nibdew il-kawża tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Patri Avertan Fenech, inħarsu lejħ bħala eżempju sabiħ ta’ kif il-persuna kkonsagrata tista’ tkun, fil-każ tiegħu, “raġel ġust u tajjeb li jistenna l-faraġ ta Israel u li l-Ispirtu kien fuqu”. Anke lil Patri Avertan, bħalma ngħata lil Xmun, ingħata d-don sabiħ li huwa u jistenna l-faraġ tal-Mulej, ikun mnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu tal-Mulej u jagħraf il-preżenza tal-Mulej.

    Jiena nixtieq insellmilkom, għeżież reliġjużi rġiel, għeżież reliġjużi nisa, membri tal-Istituti sekulari u tal-Ordo Virginum f’dan il-jum li l-Knisja tixtieq ikun ukoll iddedikat għalikom u l-awgurju, it-talba li nagħmlilkom huwa li fuq l-eżempju ta’ tant qaddisin ikkonsagrati lill-Mulej, intom tistennew b’ħerqa “l-faraġ ta’ Israel”, intom tkunu doċli għal dak li jnebbah fikom, fil-qalb tagħkom, fil-kuxjenza tagħkom l-Ispirtu qaddis tal-Mulej.

    Illum aħna nilqgħu lil Ġesù bħalma laqgħu f’dirgħajh Xmun bħala s-salvazzjoni li ħejja l-Mulej għall-popli kollha: “id-dawl biex idawwal il-ġnus u l-glorja tal-poplu ta’ Israel” (v. 32). Salvazzjoni, dawl, glorja. Jekk aħna rridu nikkolegaw dan il-mument ta’ dawl, ta’ glorja, ta’ salvazzjoni fil-ħajja ta’ Ġesù, inħarsu lejn it-Trasfigurazzjoni fejn is-Salvatur ukoll jidher ukoll bħala dawl: “wiċċu sar jiddi bħax- xemx” (Mt 17, 2) u jiddi fil-glorja tiegħu. Mhux ta’ b’xejn insejħulu wkoll fis-sbuħija tat-Tabor, bħala ‘is-Salvatur’.

    Hemm ukoll kelma oħra fuq Ġesù li l-persuna kkonsagrata ma tistax taħrab minnha. Xmun iħares lejn omm it-tarbija, berikhom u qal lil Marija: “ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel; se jkun sinjal li jmeruh” ( Lq 2, 34) signum contradictionis.  Il-persuna kkonsagrata, in-Nisrani mpenjat ikolli ngħid ukoll, ma tistax tevita din il-liġi, din il-providenza li tkun sinjal li jmeruh. L-ewwel nett għaliex il-ħajja tan-Nisrani imma b’mod speċjali l-ħajja tal-persuna kkonsagrata hija kontra l-kurrent u allura hemm din it-tensjoni kontinwa bejn l-ideali li huma espressi fl-ubbidjenza, fil-faqar, fil-kastità, u l-kontro-valuri ta’ dinja li tfittex l-awtonomija, li tfittex il-flus u l-pjaċir. It-talba tagħna hija li l-Mulej li jżurna meta jżurna, isibna bħal Xmun, persuni ġusti, twajba, mimlija tama għax kontinwament qegħdin fit-tensjoni li nistennew il-“faraġ ta’ Israel” mhux il-faraġ tad-dinja imma l-faraġ li jagħtina l-Mulej stess.  

    “Nagħtikom il-paċi tiegħi, mhux bħalma tagħtihulkom id-dinja, il-paċi tiegħi” (Ġw 14, 27). Meta aħna nitkellmu fuq il-paċi li jkun hemm fil-qalb, mhux qed nitkellmu fuq xi ħaġa li nħoss, għalkemm il-paċi b’mod speċjali fl-esperjenza tat-talb, hija wkoll sensibbli, imma hija xi ħaġa iżjed profonda, hija don tal-Mulej. Il-kriterju tal-paċi huwa l-kriterju ta’ min ir-rieda tiegħu hija marbuta mar-rieda ta’ Ġesù li fit-tribunal tal-kuxjenza tiegħu li huwa t-tribunal tal-verita, iħossu – mhux bil-ħass tas-sentimenti – imma bil-persważjoni li jagħti l-Ispirtu s-Santu, verament f’paċi ma’ Alla. Nistaqsu lilna nfusna: aħna qegħdin f’paċi ma’ Alla? San Ġorġ Preca kien iħobb isemmi u jgħid: “Alla tagħna hu Alla tal-paċi” u t-tislima tiegħu bħala rxoxt, bħala rebbiegħ fuq il-mewt, hija “il-paċi magħkom”.

    Għalhekk jiena nitlob anke bl-intereċessjoni tal-qaddej ta’ Alla Patri Avertan, bl-interċessjoni ta’ tant erwieħ ikkonsagrati li telqu qabilna bis-sinjal tal-fidi, biex aħna nkunu preżenza ta’ paċi vera fil-komunitajiet tagħna, bejnietna, u fis-soċjetà.  Il-paċi ta’ min jistenna bil-ġustizzja u bit-tjieba, il-faraġ li jagħti l-Mulej, il-paċi ta’ min it-tama tiegħu fil-Mulej, il-paċi ta’ min iħobb b’imħabba tant kbira li jaf iħaddan saħansitra min għamel il-ħsara jew min iweġġgħu.

    Niftakru llum ukoll mhux biss fi Xmun, imma ukoll fil-mara anzjana, qaddisa: f’Anna bint Fanwel li “kienet imdaħħla fiż-żmien” – bħal ħafna membri tal-ħajja kkonsagrata llum, mhux bilfors kienu miżżewġin bħalha, imma din “għamlet seba’ snin miżżewġa, imbagħad baqgħet armla. Sakemm kellha erbgħa u tmenin sena” – u qed nara xi wħud li jfakkruni f’din l-età – “ma kienetx titwarrab mit-tempju, lejl u nhar kienet taqdi fis-sawm u t-talb” (Lq 2, 37). Kemm hu ritratt sabiħ ta’ Anna, bint Fanwel, li kienet għaddiet minn diversi mħabbiet, kellha wkoll it-togħma tal-imħabba miżżewġa, imma mbagħad minħabba li sfat armla żgħażugħa, sabet ukoll l-imħabba fit-tempju, “lejl u nhar kienet taqdi fis-sawm u fit-talb”.

    Kemm hi ħaġa sabiħa li din il-preżenza tkun ukoll preżenza fekonda fil-Knisja, il-preżenza ta’ nisa ferħana bl-għotja tagħhom li lejl u nhar jaqdu lill-Mulej “fis-sawm u t-talb”. Hi ukoll bdiet tfaħħar l’Alla u “titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm” (v.38). Anna hija dik li tintgħażel biex tibda titkellem dwar it-tarbija. Xmun jagħraf it-tarbija, li hija l-Messija, is-salvazzjoni, id-dawl u l-glorja, jagħti l-profezija lil ommu u lil żewġha Ġużeppi, imma hija Anna magħżula biex “titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm”. Tgħiduli: “mhux bilfors la mara?” Mħux bilfors, imma l-mara, fost dawn iż-żewġ profeti, hija magħżula biex tkun l-evanġelista li twassal l-aħbar it-tajba ma’ kull min kien qiegħed jistenna.

    Il-poplu tagħna huwa għatxan għal din l-Aħbar it-Tajba. Għandu bżonn nisa li filwaqt li jgħaddu ħajjithom fit-tempju “lejl u nhar fis-sawm u fit-talb” isibu wkoll il-ħin, il-ferħ li jitkellmu fuq Ġesù ma’ min forsi qiegħed jistennih, jixxennaq għalih mingħajr ma jaf. Kemm nies għandhom kull ma jridu u qishom m’għandhom xejn. Kemm nies li jagħmlu l-esperjenzi tal-kontro-valuri tal-awtonomija, tar-rikezza u tal-pjaċiri tad-dinja, iħossu vojt kbir fil-qalb tagħhom. Forsi warrbu lil Ġesù għax jiddejqu jersqu lejh, forsi għax ħassew u jħossu li aħna se nikkundannawhom, li m’hemmx post għalihom fit-Tempju u hemm bżonn isibu min, li t-tempju jafu sew, li “fis-sawm u fit-talb” waslu f’intimità ma’ Alla li hu imħabba u jisimgħuh jitkellem fuq it-tarbija ta’ Betlehem.

    Nitolbu l-interċessjoni ta’ Patri Avertan u ta’ tant erwieħ oħra kkonsagrati għall-vokazzjonijiet. Ikun futur fqir għal Malta jekk ikollha tiftaqar mill-preżenza tar-reliġjużi, tal-Istituti Sekulari u tal-Verġni kkonsagrati. Din il-kelma ta’ tjubija, din il-kelma profetika, intom tafu li għandna bżonnha, intom tafu wkoll li hemm urġenza li din ngħadduha minn ġenerazzjoni għall-oħra.

    Nitolbu lil Sid il-ħsad biex mhux biss jibgħat ħaddiema, imma wkoll profeti fl-għalqa tiegħu. Nitolbu llum lill-Madonna fil-misteru tal-ferħ tal-preżentazzjoni ta’ Binha fit-tempjum hi li ma kellhiex l-opportunita li toffri l-offerta tas-sinjuri. M’offrietx ħaruf, imma offriet, għax dak l-unika offerta li jsemmi San Luqa, żewġt bċieċen. Infatti hemm ikonografija ħelwa ta’ San Ġużepp bil-gaġġa biż-żewġ bċieċen jew gamiem. Imma fl-istess ħin kienet għanja ħafna għax lit-tempju tagħti żewġ għasafar u f’idejha kienet qed tħaddan l-Ħaruf ta’ Alla. Ma kellhiex bżonn iġġib ħaruf magħha dik li kellha fi ħdanha lill-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. U dik li fl-għajnejn tad-dinja, il-mara tal-mastrudaxxa kienet fqira, kienet għanja imma għaliex kellha fi ħdanha l-ħaruf ta’ Alla, kienet ukoll imnebbħa permezz ta’ Xmun bit-tbatija li kellha tgħaddi minnha. Dan ukoll huwa allura mument ta’ dulur. Intom tafu, li fid-devozzjoni popolari dan l-episodju għandu żewġt uċuħ: misteru tal-ferħ u wieħed mid-duluri ta’ Marija Santissima, meta Xmun jgħidilha: “u inti, sejf jinfidlek ruħek” (v. 35).

    Ejjew ningħaqdu magħha fil-ferħ tagħha u fid-dulur tagħha u nafdaw lill-Knisja f’Malta f’idejn ta’ San Ġużepp li ma jitkellimx, imma sema’ kollox u kellu ħarsa qalila lejn Xmun x’ħin beda jisma’ bis-sejf, imma mbagħad irrealizza li hu kellu wkoll jitgħallem li din it-tarbija mħabbra fil-ħolm lilu u li hu kellu jsemmih Ġesù, mhux kellu jkun salvazzjoni, dawl, u glorja imma wkoll ħaruf tas-sagrifiċċju, sinjal li jmeruh. Jalla aħna wkoll ikollna l-kuraġġ nilqgħu lil Ġesù fid-dawl tiegħu u fis-salib tiegħu biex hekk aħna wkoll bħal tant qaddisin qabilna, inkunu nies ġusti u twajba li “jistennew il-faraġ ta’ Israel u l-Ispirtu s-Santu ikun fuqna”.

     Charles J. Scicluna
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Photos/Video Broadcast: Curia Communications Office