Kull Ħamis ix-Xirka naqraw din is-silta mill-Vanġelu: hija ħaġa sempliċi. Ġesù, flimkien ma’ ħbiebu, id-dixxipli tiegħu, jinsab waqt ikla, l-ikla tal-Għid; Ġesù li jaħsel riġlejn id-dixxipli tiegħu – ħaġa stramba din li għamel: f’dak iż-żmien ir-riġlejn kienu jaħsluhom l-ilsiera fid-daħla tad-dar. U mbagħad, Ġesù – b’ġest li jmiss ukoll il-qalb – jaħsel riġlejn it-traditur, dak li biegħu. Hekk hu Ġesù, u jgħallimna dan, sempliċiment: fostkom, għandkom taħslu r-riġlejn. Dan huwa simbolu: fostkom, għandkom taqdu lil xulxin; wieħed jaqdi lill-ieħor, bla interessi. Kemm tkun ħaġa sabiħa kieku dan stajna nagħmluh ta’ kuljum u ma’ kulħadd: imma dejjem ħa ssib l-interess, li hu bħal serp li jindiehes kullimkien. U aħna niskandalizzaw ruħna meta ngħidu: “Mort f’dak l-uffiċċju pubbliku, ġagħluni nħallas iżjed [minn taħt]”. Dan hu ħażin, mhuwiex ħaġa tajba. U aħna, tant drabi, fil-ħajja nfittxu l-interess tagħna, qisna qed inġagħlu lil xulxin inħallsu iżjed. Meta fil-verità hu importanti li nagħmlu kollox mingħajr interess: wieħed jaqdi lill-ieħor, wieħed ħu l-ieħor, wieħed jibni lill-ieħor, wieħed jikkoreġi lill-ieħor, u hekk għandhom jibqgħu mexjin l-affarijiet. Naqdu! U mbagħad, il-qalb ta’ Ġesù, li lit-traditur jgħidlu: “Ħabib”, u saħansitra jibqa’ jistennieh, sal-aħħar: jaħfer kollox. Dan hu li llum nixtieq inpoġġi fil-qalb ta’ kulħadd, anki tiegħi: Alla jaħfer kollox u Alla jaħfer dejjem! Huwa aħna li negħjew nitolbu maħfra. U kull wieħed u waħda minna, forsi, għandu xi ħaġa hemm f’qalbu, li ilu jġorr żmien, li tagħmillu “ron-ron”, xi skeletru moħbi fl-armarju. Imma, intom itolbu maħfra lil Ġesù: hu kollox jaħfer. Li jixtieq biss hi l-fiduċja tagħna li nitolbuh maħfra. Int dan tista’ tagħmlu meta tkun waħdek, meta tkun ma’ sħabek l-oħra, meta tkun mas-saċerdot. Din hi talba sabiħa għal-lum: “Mulej, aħfirli. Se nipprova naqdi lill-oħrajn, imma int aqdi lili bil-maħfra tiegħek”. Hekk huwa ħallas bil-maħfra. Dan huwa l-ħsieb li nixtieq inħallilkom. Naqdu, ngħinu lil xulxin, u nistgħu nibqgħu żguri li l-Mulej jaħfer. U kemm jaħfer? Kollox! U sakemm? Dejjem! Ma jegħja qatt jaħfer: huwa aħna li negħjew nitolbu maħfra.

U issa, se nipprova nagħmel l-istess ġest li għamel Ġesù: naħsel ir-riġlejn. Dan nagħmlu minn qalbi għaliex aħna s-saċerdoti għandna nkunu l-ewwel nies li naqdu lill-oħrajn, ma nisfruttawx lill-oħrajn. Il-klerikaliżmu xi drabi jwassalna għal din it-triq. Imma aħna jeħtieġ naqdu. Dan huwa sinjal, anki sinjal ta’ mħabba lejn dawn ħutna u lejkom kollha, hawn; sinjal li jfisser: “Jien ma niġġudika lil ħadd. Jiena nfittex li naqdi lil kulħadd”. Hemm Wieħed li jiġġudika, imma hu Mħallef naqra stramb, il-Mulej: jiġġudika u jaħfer. Ejjew insegwu din iċ-ċerimonja bir-rieda li naqdu u naħfru lil xulxin.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard