Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum l-Evanġelju jirrakkuntalna miraklu partikolari ta’ Ġesù.  Billejl, Hu jimxi fuq l-ilma tal-għadira tal-Galilija biex jiltaqa’ mad-dixxipli li qed jaqsmu min-naħa għall-oħra bid-dagħjsa (cfr (Mt 14, 22-33).  Insaqsu: għaliex għamel hekk Ġesù?  Biex jagħmel spettaklu?  Le!  Allura għaliex?  Forsi minħabba xi ħtieġa urġenti u imprevedibbli, biex jgħin lil tiegħu li jinsabu mwaħħlin minħabba r-riħ kontra?  Le, iżda għaliex kien Hu li fassal kollox, li qalilhom biex jitilqu billejl u saħansitra – jgħidilna t-test – “ġagħalhom” (cfr v. 22).  Forsi biex juri kemm hu kbir u setgħan?  Imma dan mhux l-istil tiegħu, stil tant sempliċi.  Allura għaliex għamel hekk?  Għaliex ried jimxi fuq l-ilma?

Fl-isfond tal-mixja fuq l-ilma hemm messaġġ moħbi, messaġġ li hu għalina li nifhmuh.  Infatti, dak iż-żmien, il-firxiet kbar tal-ilma kienu jqisuhom postijiet fejn hemm il-forzi malinji li l-bniedem ma jistax jikkontrollahom; speċjalment jekk imqallbin minħabba t-tempesta, l-abbissi kienu simbolu tal-kaos u kienu jfakkru fid-dlamijiet tal-infern.  Issa d-dixxipli jinsabu f’nofs l-għadira, fid-dlam: maħkumin mill-biża’ li se jgħerqu, li l-ħażen se jiblagħhom.  U hawn jasal Ġesù miexi fuq l-ilma, jiġifieri fuq il-qawwa tal-ħażen, Hu jimxi fuq il-qawwiet tal-ħażen u lil tiegħu jgħidilhom: “Agħmlu l-qalb, jien hu, tibżgħux!” (v. 27).  Dan hu messaġġ importanti li qed itina Ġesù.  Dan hu s-sens tas-sinjal: il-qawwiet tal-ħażen, li jbeżżgħuna u li m’għandniex ħila nikkontrollawhom, ma’ Ġesù mill-ewwel inġarrfuhom.  Meta jimxi fuq l-ilma irid jgħidilna: “Tibżgħux, jien nitfa’ taħt riġlejja l-għedewwa tiegħek” – messaġġġ sabiħ: “jien nitfa’ l-għedewwa tiegħek taħt riġlejja”  – mhux lill-persuni!  Mhux dawk l-għedewwa, iżda l-mewt, id-dnub, ix-xitan: dawn huma l-għedewwa tal-bnedmin, l-għedewwa tagħna.  U lil dawn l-għedewwa Ġesù jisħaqhom taħt riġlejh għalina.

Illum Kristu jtenni lil kull wieħed u waħda minna: “Agħmel il-qalb, jien hawn, tibżax!”.  Jiġiferi, kuraġġ għax hawn jien, m’għadekx waħdek fl-ilmijiet imqallba tal-ħajja.  U alura x’nagħmlu meta nsibu ruħna f’baħar miftuħ nitħabtu mar-riħ kontrina?  X’nagħmlu fil-biża’ li hu baħar miftuħ, meta nkunu naraw biss id-dlam u nħossuna mitlufin?  Għandna nagħmlu żewġ affarijiet, dak li jagħmlu d-dixxipli fl-Evanġelju.  X’jagħmlu d-dixxipli?  Jinvokaw (isejħu) u jilqgħu lil Ġesù.  Fil-waqtiet l-aktar koroħ, l-aktar mudlama, ta’ tempesta, insejħu lil Ġesù u nilqgħuh.

Id-dixxipli jsejħu lil Ġesù.  Għal ftit Pietru jimxi fuq l-ilma lejn Ġesù, iżda mbagħad jibda jibża’, jegħreq u għalhekk jgħajjat: “Mulej, salvani!” (v. 30).  Jinvoka lil Ġesù, isejjaħlu.  U din hi talba sabiħa li permezz tagħha nuru li aħna ċerti li l-Mulej jista’jsalvana, li Hu jegħleb il-ħażen tagħna u l-biżgħat tagħna.  Nistedinkom ittennuha issa lkoll flimken: Mulej, salvani!  Flimkien, tlett darbiet: Mulej salvani, Mulej salvani, Mulej salvani!

Imbagħad id-dixxipli jilqgħu.  L-ewwel isejħu, imbagħad jilqgħu lil Ġesù fid-dagħjsa.  It-test jgħid li malli tela’ fuq id-dagħjsa “r-riħ waqaf” (v. 32).  Il-Mulej jaf li d-dagħjsa tal-ħajja, l-itess bħad-dagħjsa tal-Knisja, mhedda mill-irjieħ kontra u li l-baħar li qed inbaħħru fih spiss ikun imqalleb.  Hu ma jeħlisniex mit-tbatija tat-tbaħħir, anzi – l-Evanġleju jisħaq – jixpruna lil tiegħu biex jitilqu: jistedinna, cioè, biex naffrontaw id-diffikultajiet, sabiex dawn ukoll isiru mkejjen ta’ salvazzjoni, sabiex Ġesù jegħlibhom u jsiru okkażjonijiet fejn niltaqgħu miegħu.  Infatti, fl-aktar waqtiet mudlama tagħna Hu jiġi jiltaqa’magħna, jitlobna nilqgħuh, bħal dakinhar fl-għadira.

Nistaqsu lilna nfusna għalhekk: fil-biżgħat,  fid-diffikultajiet, kif inġib ruħi?  Nitlaq għal rasi, bil-forzi tiegħi waħdi, jew insejjaħ lill-Mulej bil-fiduċja?  U kif inhi sejra l-fidi tiegħi?  Nemmen li Kristu hu qawwi aktar mill-mewġ jew mir-riħ kontra?  Iżda fuq kollox, inbaħħar flimkien miegħu?  Nilqgħu, nagħmillu wisa’ fid-dagħjsa ta’ ħajti – qatt waħdi, dejjem ma’ Ġesù -, inħallilu t-tmun f’idejh?

Marija. Omm Ġesù, Kewkba tal-baħar, tgħinna biex fil-vjaġġi mudlama tagħna nfittxu d-dawl ta’ Ġesù.

Sors: laikos.org