• **

    Direttur: Gil Kenan
    Atturi: Sam Rockwell, Rosemarie DeWitt, Saxon Sharbino
    Ħin: 134 minuti
    Klassifika taċ-Ċensura: 15
    Klassifika tal-Knisja: 15

    Eric Bowen tilef l-impjieg tiegħu u flimkien ma’ marthu Amy u t-tlett  uliedhom, binhom Griffin u ż-żewġt ibniet Kendra u Madison, imorru joqgħodu f’dar aktar modesta f’tarf il-belt. Id-dar il-ġdida tagħhom hi mibnija fuq ċimiterju antik, iżda min biegħilhom ma’ qalilhomx din il-ħaġa. L-ispirti ma’ jdumux ma’ jibdew juru l-preżenza tagħhom billi, fost oħrajn, jagħmlu l-pupa forma ta’ clown tieħu l-ħajja u siġra twaddab lil Griffin minn ġo skylight. Meta t-tifla ż-żgħira, Madison, tisparixxi minn ġo bieb maġiku fid-dahar tal-gwardrobba tagħha u mbagħad issejħilhom minn ġot-tv, Eric u Amy jiddeċiedu li jsejħu għajnuna professjonali. Jiġu jagħtuhom l-għajnuna Carrigan Burke, espert tal-paranormali li issa sar personalita’ tar-‘reality television’, u l-ex mara tiegħu Dr Brooke Powell, li jaraw x’inhi l-problema u joffrulhom soluzzjoni.
    Film tal-biża’, fi 3D. Il-film hu verżjoni ġdida tal-film klassiku Poltergeist li ħareġ 33 sena ilu, fil-1982, u kien dirett minn Steven Spielberg. Din il-verżjoni mid-direttur Gil Kenan, għalkemm fil-biċċa l-kbira issegwi l-oriġinali, hija inqas interessanti u x-xeni tal-biża’ huma inqas effettivi. Il-film fih xeni ta’ tfal fil-periklu, xi kontenut sesswali, u xi kliem ħażin. Jgħodd għal dawk minn 15 il-sena ‘l fuq.