• ****

    Direttur: Bill Condon

    Atturi: Ian McKellen, Laura Linney, Milo Parker

    Ħin: 104 minuti

    Klassifika taċ-Ċensura: PG

    Klassifika tal-Knisja: UPG

    Fl-1947, Sherlock Holmes, issa ta’ 93 sena, ikun għadu kif irritorna mill-Ġapan lejn id-dar tiegħu, razzett f’Dover fix-xlokk ta’ l-Ingilterra. Għandu jgħixu miegħu Mrs Munro, li tieħu ħsiebu, u binha Roger, ta’ għaxar snin. Roger hu affaxxinat minn naħal li jrabbi Holmes u jgħinu jieħu ħsiebhom. It-tifel jammira ħafna l-ħajja passata ta’ Holmes bħala detective filwaqt li hu għandu wkoll ċerta ħila ta’ deduzzjoni u din il-ħaġa togħġbu lil Holmes. Holmes qed jinkwieta li ż-żmien qed jagħmel tiegħu u bdiet tonqoslu l-memorja, u jħalli lil Roger jgħinu jsolvi l-aħħar każ tiegħu. Wara li miet Watson, mat-tletin sena ilu, Holmes ma jiftakarx li baqa’ isegwi l-każ li kellu ta’ Thomas Kelmot li kien mar ikellmu dwar marthu Ann li kienu ħakmuha dwejjaq perikolużi wara li tilfet żewġ ulied waqt it-tqala. Biex idderri mid-dwejjaq tagħha Ann kienet qed tieħu lezzjonijiet tal-ħarmonica tal-ħġieġ, strument li fl-antik kien assoċjat ma’ l-arti s-sewda u kienet meqjusa li tintuża biex jiġu ikkontattjati l-mejtin. Thomas iżda kien jemmen li marthu kienet qed tiġi influwenzatha ħażin mill-għalliema tal-mużika tagħha, l-eċċentrika Madame Schirmer. Billi kien anzjuż li jgħaqqad flimkien il-biċċiet ta’ informazzjoni li kien jiftakar għax il-memorja tiegħu tkun qedha tħallih, Holmes mar il-Ġapan biex jiltaqa’ ma’ Mr Umezaki li kien jikkorrispondi miegħu, u dan ikkonvinċih juża pjanta, msejħa ‘prickly ash’, li kellha kwalitajiet speċjali biex iżżomm il-bogħod id-dimentia.

    Film drammatiku, xi ftit kajman iżda sabieħ, ibbażat fuq ir-rumanz ta’ Mitch Cullin: A Slight Trick of the Mind (2005). Il-punt prinċipali tal-film mhuwiex li Holmes isolvi l-każ iżda riflessjoni dwar ix-xjuħija u dwar id-dispjaċir suppress. McKellen jaħdem parti tajba ħafna bħala Holmes. Fih xi ftit  vjolenza u xi gideb. Nissuġġerixxu li t-tfal ż-żgħar ikunu akkumpanjati mill-ġenituri.