-
-
F’għeluq l-Assemblea Djoċesana 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna tkellem dwar il-ħtieġa li n-Nisrani jilqa’ u jxandar il-Kelma ta’ Ġesù biex din issir dawl għas-soċjetà tal-lum u tieħu l-ħajja bl-eżempju ta’ tjubija, ġustizzja u verità.
It‑tema tal-Assemblea ta’ din is‑sena kienet ‘L‑Evanġelizzazzjoni u d‑Djakonija: Lejn Pjan Pastorali għall‑Arċidjoċesi’.
Mons. Arċisqof saħaq li magħquda flimkien, l-evanġelizzazzjoni u s-servizz tad-djakonija jwasslu lill-Insara biex ikunu “ulied id-dawl u mhux ulied id-dlam”. Enfasizza li l-qofol tad-dixxerniment ta’ kull Nisrani għandu jkun li jagħraf x’inhi r-rieda ta’ Alla għaliex b’hekk ikollu direzzjoni ċara f’ħajtu.
Matul l‑Assemblea, il‑Vigarju Episkopali għall‑Evanġelizzazzjoni, Fr René Camilleri, ippreżenta proposta ta’ strategija għall‑evanġelizzazzjoni mifruxa fuq tliet snin bħala parti mill‑pjan pastorali għall‑Arċidjoċesi li qed isir bħalissa.
Fit-tieni jum tal-Assemblea, bħala t-tieni parti tal‑pjan pastorali, il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Mons. Charles Cordina, ippreżenta proposta ta’ azzjoni għat‑tisħiħ tal‑impenn soċjali tal‑Knisja fis‑soċjetà. Dan fid-dawl tat-tagħlim tal‑Papa Franġisku li qed jistieden lill‑Insara jilħqu u jaħdmu mal‑foqra u dawk fil‑periferija.
L-Assemblea Djoċesana ta’ din is-sena saret fil-Katekumenju, il-Mosta, bejn il-Ġimgħa 24 u s-Sibt 25 ta’ Novembru 2017.
Għada l‑Ħadd, 26 ta’ Novembru, ser tiġi ċċelebrata l‑festa liturġika ta’ Kristu Re b’Ċelebrazzjoni Djoċesana fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera. Matul iċ‑ċelebrazzjoni, li tibda fil‑5:00 p.m., ser tingħad it‑talba ta’ filgħaxija (l‑għasar) u qabel il-Barka Sagramentali, Mons. Arċisqof iwassal il‑messaġġ tiegħu f’din il-festa importanti għall-Insara. Kulħadd huwa mistieden jattendi.
-
-
-
-
-
-
-
Ir-ritratti se jkunu aċċessibbli mill-websajt tar-ritratti uffiċċjali tal-Knisja f’Malta.
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja