• ****

    Diretturi: Eric Darnell, Simon J. Smith
    Atturi:  (vuċijiet ta’) Tom McGrath, Chris Miller, Christopher Knights, Benedict Cumberbatch
    Ħin: 92 minuti
     
    Klassifika taċ-Ċensura: U
    Klassifika tal-Knisja: U

    Tlett pengwini żgħar, Skipper, Kowalski, u Rico, ikunu qed jimxu, flimkien ma serbut twil ta’ pengwini oħra, fil-wesgħa kbira ta’ silġ fl-Antarktika, meta jindunaw li jkun hemm bajda abbandunata u fil-periklu li tinqered. It-tlett pengwini jipprovaw isalvaw dik il-bajda, li minnha ma jdumx ma’ jitwieled pengwin li jsemmgħuh Private u jadottawh bħala ħuhom iż-żgħir. L-erba’ li huma jiddeċiedu li jibdew jagħmluha ta’ aġenti sigrieti. Iżda qarnit kattiv, jismu Dave, li jagħmilha wkoll ta’ xjenzat miġnun magħruf bħala Dr Octavius Brine, irid jivvendika ruħhu minnhom u mill-pengwini kollha, minħabba li l-bnedmin aktar għandhom grazzja magħhom milli miegħu. Dave irnexxielu jiżviluppa likwidu velenuż kapaċi jbiddel il-pengwini fi ħlejjaq sfigurati li jiddiżgustaw lil bnedmin. Waqt waħda mill-missjonijiet tagħhom, Dave jaqbadhom u jagħmilhom priġunieri tiegħu. Iżda l-pjan vili ta’ Dave ġiebed l-attenzjoni ta’ tim ta’ aġenti sigrieti oħra, jisimgħhom The North Wind, immexxijin minn volpi msejjah Classified. Dawn jiġu biex jagħtu l-għajnuna lil erba’ pengwini u jsalvawhom. Iżda tqum rivalita’ bejn iż-żewġ gruppi ta’ spiji.
     
    Film komiku u ta’ avventura animat, b’karattri mis-serje ta’ films ta’ qabel dwar il-pengwini. L-erba’ pengwini prinċipali ta’ dan il-film fil-fatt kellhom rwol ta’ support fil-films ta’ qabel, imma issa saru l-protagonisti. Il-film juri l-effetti negattivi li jirriżultaw meta xi ħadd iżomm f’qalbu għal xi ħadd ieħor u jkun irid ipattihielu, filwaqt li jemfażiżża l-valuri pożittivi tal-lejalta’, koperazzjoni u teamwork. Fih xi ftit vjolenza u xi ċajt ftit baxx. Jgħodd għal kulħadd.