• “Il-Paċi magħkom” – din hija t-tislima ta’ Ġesù Rxoxt lid-dixxipli tiegħu, li tiġbor mhux biss is-sens ta’ rikonċiljazzjoni li jdawwal Ħadd il-Għid, imma wkoll l-awgurju li r-rikonċiljazzjoni li l-Mulej qed jagħtina bħala rigal, naqsmuha mal-oħrajn. Il-paċi hija għajn li tfawwar mill-qalb tal-bniedem. Fl-istess ħin, id-dgħufija tgħallimna li l-paċi hija wkoll rigal li nilqgħu mingħand il-Mulej.

    Fil-bidu tar-Randan, l-Insara jisimgħu l-istedina tal-Mulej biex il-paċi jfittxuha u jippreparawha permezz tar-rażan. It-triq għall-paċi fil-qalb tal-bniedem hija li jagħraf lilu nnifsu u fl-istess waqt jirringrazzja lill-Mulej tal-preġji u tat-talenti li għandu, u jirrikonoxxi li la mhu infinit u lanqas mhu omnipotenti – jagħraf li huwa ħolqien u għandu l-limitazzjonijiet tiegħu.

    Jien u nagħraf id-dgħufija tiegħi, nagħraf ukoll it-tentazzjonijiet tiegħi li nsir ilsir ta’ xi dipendenza, li ħafna drabi titma’ xi limitazzjoni tiegħi, xi nuqqas ta’ rażan tiegħi. Ir-rażan mhuwiex ċaħda sadistika, imma skola kif jiena nimmatura bħala bniedem. F’kull edukazzjoni denja tal-isem, lit-tfal u ż-żgħażagħ is-soċjetà tgħallimhom li fil-kontroll tagħna nfusna hemm għajn tal-vera rġulija u paċi tal-qalb, tkun xi tkun il-kultura, u tkun xi tkun ir-reliġjon ta’ dak li jkun.

    Hawnhekk nixtieq nistieden lis-soċjetà Maltija, soċjetà miftuħa u pluralista, biex tibqa’ tifforma lil ġenerazzjonijiet futuri fis-sbuħija tar-rażan, tas-self control, biex hekk ikollna ċittadini mhux biss maturi, imma ċittadini li jafu jkunu preżenza ta’ paċi fis-soċjetà.

    Kemm traġedji minħabba n-nuqqas ta’ kontroll tar-rabja tagħna, minħabba n-nuqqas ta’ kontroll tal-passjonijiet sesswali u ta’ rgħiba tagħna, kemm traġedji minħabba n-nuqqas ta’ kontroll tal-istint egoistiku tagħna. Il-‘paċi magħkom’ hija stedina li tinfed il-qalb ta’ kull bniedem u tisfidah, u fl-istess ħin tinkoraġġih biex fir-rażan tiegħu nnifsu jibni futur sabiħ għalih.

    Il-paċi ma’ ħaddieħor għandha isem u dan l-isem huwa ‘ġustizzja’. Il-paċi ma tistax tinjora l-esiġenza li nitrattaw lil xulxin b’rispett u skont kif jistħoqq lil xulxin. Il-ġustizzja titlobna biex lil kulħadd nagħtuh dak li jistħoqqlu, dak li hu tiegħu. Il-ġustizzja hija l-vera meritokrazija. Il-ġustizzja hija l-vera trasparenza. Il-ġustizzja hija l-bażi ta’ kull progress soċjali. Dan għax fil-ġustizzja ċ-ċittadin iħossu milqugħ u stmat fuq il-merti tiegħu, fejn il-fqir ikollu d-dritt għall-għajnuna biex jgħix ħajja dinjituża u s-sinjur jingħata l-opportunità li jaqsam ġidu ma’ ħaddieħor, u hekk mhux biss ikattru fin-numru u l-kwalità, imma anke fir-responsabbiltà soċjali li għandu.

    Il-‘paċi magħkom’ hija stedina li l-Mulej Irxoxt jagħti lis-soċjetà meta jinkoraġġiha tiġġieled kontra kull inġustizzja, kontra kull klijenteliżmu, kontra kull biża’ li aħna nerfgħu r-responsabbiltà politika u soċjali tagħna. Jekk aħna ma naħdmux biex fis-soċjetà r-responsabbiltajiet prinċipali jingħataw lil min kapaċi verament jiflaħhom, inkunu qegħdin nibnu illużjoni li, minflok tibnina, tkissirna. L-ebda ġustizzja ma sseħħ jekk ir-responsabbiltajiet jitqassmu biss skont il-kulur tan-nuċċali ta’ dak li jkun.

    Il-‘paċi magħkom’ hija wkoll stedina lill-bnedmin li joffri l-Mulej bħala l-iben ta’ Alla, li aħna qtilnieh bi dnubietna u li l-Missier kollu mħabba qajmu f’Ħadd il-Għid b’risposta għall-qalb iebsa tagħna. Hija r-risposta ta’ Alla lill-qalb iebsa u ċkejkna tal-bniedem. Hija risposta li tgħallimna li r-rikonċiljazzjoni ma’ Alla hija li aħna niftħu qalbna għall-misteru tal-ħniena tiegħu, għaliex il-ħniena tiegħu hija ħafna ikbar mill-ebusija ta’ qalbna u minn dnubietna. Ir-rikonċiljazzjoni ma’ Alla mhijiex biss id-disponibbiltà li aħna nattendu għar-ritwali tar-reliġjon tagħna, jew li niċċelebraw b’devozzjoni dawn il-ġranet qaddisa, imma hija impenn li aħna nitgħallmu mill-Mulej u nimitawh.

    Meta nħarsu lejna nfusna u lejn il-proxxmu tagħna, aħna nindunaw jekk għandniex il-vera reliġjon, jiġifieri dak is-sentiment li jgħaqqadna mal-Missier, il-Mulej li ħalaqna, li salvana u li jridilna l-aqwa ġid, għaliex il-kejl tal-vera reliġjon hija kif nitrattaw lilna nfusna u lill-proxxmu. Mhux ta’ b’xejn li l-Mulej Ġesù qalilna li fl-aħħar jum, meta tintemm għalina l-esperjenza ta’ din id-dinja, se jistaqsina mistoqsijiet sempliċi ħafna, “kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni…”. Meta nirrispondu għal dawn il-mistoqsijiet fil-qalb tagħna, x’risposta se nagħtu? Għandna l-paċi f’qalbna?

    Nawgura mill-qalb lill-qarrejja kollha tal-‘Illum’ l-Għid it-Tajjeb.

     Charles Jude Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta