Il‑kappillani tal‑parroċċi f’Malta ltaqgħu għal‑live‑in annwali, bit‑tema li kienet ‘Missjunarji tat-Tama’, fid-dawl tal-Ġublew tat-Tama li l-Knisja Kattolika madwar id-dinja kollha qed tiċċelebra din is-sena. Huma kellhom il-ħin jirriflettu fuq xi tfisser tkun missjunarju llum u kif permezz tal-ezempju tagħhom, ikunu mezz ta’ tama lill-oħrajn.
Il-live-in ta’ din is-sena sar f’format differenti sabiex il-kappillani jkunu f’ambjent iktar rilassat u ta’ fraternità u jgħinhom jirriflettu aktar fuq dak li semgħu u ddiskutew. Is-saċerdoti kellhom l-opportunità jżuru zewġ parroċċi: dik tal-Qawra li l-kappillan tagħha hu Patri Andrew Galea OFM Conv., u dik ta’ Ħal Balzan, li l-kappillan hu Mons. Karm Farrugia.
Fil-Parroċċa tal-Qawra, il-kappillan u numru ta’ voluntiera fil-parroċċa qasmu mal-kappillani preżenti l-ħidma tal-parroċċa f’din il-lokalità, x’inhuma l-ħtiġijiet tal-komunità, u x’għajnuna u servizzi soċjali toffri s-sezzjoni ta’ djakonija f’din il-parroċċa.
Il-kappillani żaru wkoll Ir-Refettorju tal-Kċina ta’ Marta li jinsab f’Ħal Balzan, fejn il-komunità tista’ tiltaqa’ għall-ikel u tistieden lill-persuni fil-bżonn. Il-kappillani kienu wkoll mistiedna sabiex jibqgħu għall-ikel u jisimgħu l-esperjenzi tan-nies li jagħmlu użu minn dan is-servizz li toffri l-Knisja f’Malta permezz ta’ LOOP u l-Kummissjoni Migranti. Hemmhekk, il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Mons. Martin Micallef, tkellem dwar il-ħidma tal-Knisja f’Malta mal-fqir u l-batut.
Permezz ta’ diversi mistiedna waqt il-live-in, il-kappillani ddiskutew ir-rwol tal-parroċċa illum fir-realtà tal-Knisja u tas-soċjetà Maltija, u rriflettew dwar il-bżonnijiet tal-komunità u kif qed iwieġbu għalihom. Dun Jean Claude Attard u Dr Luke Buhagiar tkellmu dwar is-soċjetà preżenti u r-realtà li fiha kull membru tal-Knisja, inkluż is-saċerdoti, għandu jwassal il-ferħ tal-Evanġelju. F’laqgħa li saret fil-knisja ta’ San Pawl tal-Ħġejjeġ f’San Pawl il-Baħar, Dun Sinclair Bugeja qasam riflessjoni dwar kif San Pawl l-Appostlu hu ispirazzjoni ta’ tama għas-saċerdot.
L-Isqof Joseph Galea-Curmi, li għex dawn il-jiem mal-kappillani, għamel ir-riflessoni tiegħu fuq kif il-parroċċa tista’ tkun iktar missjunarja fid-dinja tal-lum, fuq il-konverżjoni pastorali għat-tisħiħ tal-ispirtu missjunarju fil-komunità, u kif is-sinodalità ssaħħaħ il-parroċċa missjunarja. F’kull jum tal-live-in hu ċċelebra wkoll il-quddiesa flimkien mal-kappillani, fil-knejjes tal-lokalitajiet differenti fejn kienu qed isiru ż-żjarat mill-kappillani.
Dun Noel Vassallo, Vigarju Episkopali għall-Kleru, ta wkoll il-messaġġ tiegħu fuq sfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-kappillani fi żminijietna.
Suġġett ieħor ta’ diskussjoni kien ir-rwol tal-lajċi fil-ħajja tal-parroċċa permezz ta’ ħidmiethom f’diversi oqsma pastorali u fl-amministrazzjoni. Għadd kbir ta’ lajċi qed jagħtu sehem prezzjuż ħafna fil-missjoni tal-parroċċa, u dan hu ta’ inkoraġġiment kbir għall-kappillani.
Il-live-in tal-kappillani jsir f’Jannar sabiex wara l-festi tal-Milied u qabel jibda r-Randan, il-kappillani jkollhom tlitt ijiem fil-kwiet fejn ikunu jistgħu jirriflettu u jiddiskutu tema partikolari li tolqot il-parroċċa. Il‑live‑in hu organizzat mill‑Kunsill tal‑Kulleġġ tal‑Kappillani.
Ritratti: Ian Noel Pace | Sarah Salafia