L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Mara, għalfejn qiegħda tibki?” (Ġw 20:13). Din hi d-domanda li l-anġli, u anke Ġesù stess, jagħmlu lil Marija ta’ Magdala. Din hi mistoqsija li għandna bżonn nagħtu risposta għaliha llum. Għaliex qegħdin tibku? Kien hemm xi ħadd għaref li qal li d-dulur u luttu fil-mewt, hu u jibqa’ l-ħlas tal-imħabba. Meta l-persuna li wieħed ikun ħabb tassew ma tibqax magħna, id-dulur u l-luttu huma espressjoni naturali, kważi istintiva tal-imħabba tagħna. Fid-dawl ta’ Kristu Rxoxt, il-bikja tat-telfa tiġi trasformata fit-tama tal-ħajja ta’ dejjem.
Jekk tistaqsuni biex fi ftit kliem niġbor dak li kien għalina l-Papa Franġisku, jiena nagħżel tliet espressjonijiet. Ippermettuli ngħidhom l-ewwel bil-latin, għax għallimhomna hu bil-Latin.
Miserando atque eligendo
Nibda l-ewwel bil-motto li għażel għall-pontifikat tiegħu Miserando atque eligendo. Din hi silta mill-Venerabbli Beda u li għall-Papa Franġisku kienet tesprimi l-esperjenza li kellu fil-Buenos Aires meta kien għadu żagħżugħ u fil-21 ta’ Settembru kellu konverżjoni profonda u radikali. Dakinhar tal-21 ta’ Settembru kienet il-festa ta’ San Mattew, jum li għalina wkoll hu għażiż. Dakinhar jinqara l-Evanġelju tas-sejħa ta’ Mattew. Fil-kummentarju ta’ dik is-sejħa ta’ San Mattew, il-Venerabbli Beda jgħid: ‘Ħenn għalih, u sejjaħlu’Ħares lejh bi ħniena u sejjaħlu.
Mill-esperjenza tiegħu bħala Ġiżiwta, saċerdot, isqof, arċisqof, Papa, kien u baqa’ appostlu tal-ħniena ta’ Alla. Fl-2016 ħabbar il-Ġublew tal-Ħniena. Hu kien appostlu tal-ħniena billi ppriedka l-istil tal-Evanġelju b’dawn it-tliet kelmiet: viċinanza (li tkun qrib in-nies), kompassjoni (li tħoss magħhom) u t-tenerezza (li tesprima l-għożża tiegħek). Kien iħobb isejjaħlu lo stile del Vangelo (l-istil tal-Evanġelju).
Evangelii Gaudium
It-tieni frażi hija l-kelma li għażel biex jibda d-dokument programmatiku tal-pontifikat tiegħu: Evangelii Gaudium (Il-Ferħ tal-Evanġelju). Kien ippreokkupat li għal ħafna nies il-messaġġ ta’ Ġesù kien iġib sikkatura, dwejjaq u impożizzjoni. Imma mill-esperjenza personali tiegħu l-Papa kien konvint li l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù kienet dik li teħilsek, li tagħtik il-paċi u l-ferħ ta’ min qed jgħum fil-ħniena ta’ Alla u jagħżel is-sewwa. Nistgħu ngħidu li d-dokumenti prinċipali tiegħu kellhom il-kliem gaudium jew laetitia. Dan għaliex xtaq li l-messaġġ tal-pontifikat tiegħu ikun messaġġ ta’ tama billi jlaqqa’ l-poplu ta’ Alla mal-ħniena tal-Missier u mal-ferħ li jġib l-Evanġelju.
Dilexit nos
It-tielet frażi hija Dilexit nos. Dan inzerta hu t-titlu li l-Papa Franġisku għażel għall-aħħar dokument maġġuri tiegħu, l-enċiklika dwar il-Qalb ta’ Ġesù, Dilexit Nos, li tfisser “Huwa ħabbna” (Rum 8:37). Nistgħu ngħidu li din il-kelma toqgħod ukoll għalih għaliex kull min iltaqa’ miegħu, ħabbu. Aħna għandna nħossuna xxurtjati li konna parti mill-familja li tagħha hu kien ragħaj u stajna ngħidu li ħabbna.
Fit-testment tiegħu li ġie ppublikat ilbieraħ, il-Papa ddeċieda li fuq il-qabar tiegħu jkun hemm miktuba kelma waħda biss: Franciscus. Xejn iżjed. Imma kieku kellna nżidu żewġ kelmiet oħra, jiena kont inżid dilexit nos (ħabbna). Għax jekk tagħsar l-atteġġjament, il-ħarsa u l-ħerqa tiegħu li jkun qrib l-iżjed batut, anke meta ġie fostna, tinduna li hemm ragħaj li ħabb lill-poplu tiegħu.
Testment ta’ ħlewwa u missjoni
Illum erġajt irritornajt lejn dak li qalilna fiż-żjara tiegħu fostna. Diffiċli ħafna tiġbor fi ftit kliem il-messaġġi kollha li ħalielna. Imma wara li wasal Ruma mill-vjaġġ tiegħu f’Malta, fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa 6 ta’ April 2022, bħalma s-soltu kien jagħmel wara kull vjaġġ appostoliku, huwa ta lid-dinja ġabra fil-qosor tal-esperjenza tiegħu fostna. “Il-Maltin,” qal il-Papa, “laqgħu lill-Appostlu Pawlu u lil sħabu ‘bi ħlewwa liema bħalha’. Dan hu importanti, ma rridux ninsewh: ‘bi ħlewwa liema bħalha’. Għażilt proprju dawn il-kelmiet, bi ħlewwa liema bħalha, bħala motto tal-Vjaġġ tiegħi, għax jindikawlna t-triq li għandna nimxu mhux biss biex naffrontaw il-fenomenu tal-migranti, imma b’mod iżjed ġenerali biex id-dinja ssir iżjed fraterna, post li iżjed tista’ tgħix fih, u ssalva minn ‘nawfraġju’ li qed jheddidna lkoll, li ninsabu – kif tgħallimna – fuq l-istess dgħajsa, ilkoll kemm aħna. F’dan il-kuntest, Malta hija post-muftieħ”.
Il-Papa tana tliet kelmiet li għandhom jitnaqqxu fil-qalb tagħna u jkunu għalina bħala testment, ta’ missier li ħabbna, dilexit nos.
L-ewwel nett sejħilna l-‘warda tal-irjieħ’“fejn jiltaqgħu popli u kulturi; hija punt ipprivileġġjat biex minnu nosservaw 360o madwarna r-reġjun tal-Mediterran. Hu jgħid li Malta għandha l-vokazzjoni li tkun ambjent ta’ djalogu, tal-laqgħa tal-ġnus, strument ta’ paċi.
It-tieni kelma li tana hija li aħna nilqgħu fostna lil ħutna, għax la huma fostna m’għadhomx barranin. Mhumiex etnikament Maltin imma jgħixu magħna. 20% tal-popolazzjoni tagħna llum tikkostitwixxi f’nies li ma tweldux hawn, imma wliedhom kienu mwielda hawn.
“Bla dubju, il-laqgħa li nagħtuhom għandha tkun organizzata – huwa minnu dan – għandha titmexxa, u qabel, ħafna qabel, għandha tkun ippjanata flimkien, fuq livell internazzjonali. Għax il-fenomenu migratorju ma nistgħux nirriduċuh għal emerġenza, imma hu sinjal ta’ żminijietna. U hekk għandna naqrawh u ninterpretawh. Jista’ jsir sinjal ta’ kunflitt, jew inkella sinjal ta’ paċi. Jiddependi minn kif neħduh, jiddependi minna.”
“Għalhekk, bħala Isqof ta’ Ruma, mort inwettaq lil dak il-poplu fil-fidi u fil-komunjoni”. Il-Papa faħħar lil Malta, u t-tielet kelma li tana —minħabba l-istorja tagħna u minħabba l-missjunarji tagħna— kienet “evanġelizzazzjoni”. Irrepetta dak li qalilna Għawdex, fis-Santwarju ta’ Pinu: “Il-ferħ tal-Knisja hija li tevanġelizza, li twassal il-Kelma ta’ Alla.”
Is-Sibt li għadda, Sibt il-Għid, kelli grazzja li f’dan il-Konkatidral, ngħammed 19-il adult fejn użajna seba’ lingwi: l-Albaniż, it-Tork, iċ-Ċiniż, l-Ingliż, il-Malti, il-Franċiż u l-Malayalam. Dawn kollha adulti li jgħixu fostna u ltaqgħu ma’ Ġesù permezz tagħna u minkejja d-diffetti tagħna. Illum il-missjunarji, forsi ma għadhomx ibaħħru ’l bogħod minn pajjiżna, imma Malta għad għandha l-vokazzjoni li nevanġelizzaw. Il-kelma li tana l-Papa Franġisku hija kelma ta’ kuraġġ.
Sodi quddiem il-misteru tal-mewt
Ippruvajt nara x’kien jgħid il-Papa Franġisku fuq il-mewt, għax aħna llejla nġbarna hawnhekk biex nitolbu għar-ruħu. Iżda fl-2016, il-Papa Franġisku tana katekeżi sabiħa ħafna dwar it-tama. Din is-sena, peress li huwa l-Ġublew tat-Tama, iddeċidejna li nippubblikaw bil-Malti iżjed minn 30 katekeżi li l-Papa ta fuq it-tama. L-aħħar tnejn huma relevanti għal din l-okkażjoni: l-mewt u l-ġenna. Hu qal hekk:
“Ċiviltajiet oħra, qabel din tagħna, kellhom il-kuraġġ li jħarsu lejn il-mewt f’wiċċha. Kienet ġrajja rrakkuntata mix-xjuħ lill-ġenerazzjonijiet ġodda, bħal realtà li ma tistax taħrabha u li kienet tobbliga lill-bniedem biex jgħix għal xi ħaġa assoluta. Jgħid is-Salm 90: ‘Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex aħna nimxu bil-għaqal’ (Salm 90:12). Jekk wieħed jitgħallem jgħodd jiem ħajtu, qalbu tikseb l-għerf! Kliem li jdaħħalna f’realiżmu dan, u jkeċċi minna l-ħsieb li nistgħu kollox. Aħna x’aħna? Aħna ‘kważi m’aħna xejn’ (ara Salm 89:48); jiemna jgħaddu ħfief: imqar li kellna ngħixu mitt sena, fl-aħħar jidhirlna li kollox kien bħal nifs. Ħafna drabi nisma’ anzjani jgħidu: ‘Il-ħajja għaddiet bħal nifs…’”
“Hekk il-mewt tneżża’ għarwiena lil ħajjitna. Tgħinna niskopru li l-għemejjel tagħna ta’ kburija, ta’ qilla u ta’ mibegħda kienu frugħa: frugħa biss. B’għafsa ta’ qalb nintebħu li ma ħabbejniex biżżejjed, u li ma fittixniex dak li kien essenzjali. U, bil-maqlub, naraw dak li żrajna tabilħaqq tajjeb: l-imħabba li mħabba fiha ssagrifikajna ruħna, u li issa taqbdilna jdejna”.
“Aħna lkoll ċkejkna u bla difiża quddiem il-misteru tal-mewt.” L-istess il-Papa Franġisku, li t-Tnejn filgħodu, fis-7:35am. Fil-5.30am tah attakk, fis-6am sellem lill-infermier tiegħu, daħal f’koma, u wara 90 minuta miet.
“Imma, xi grazzja tkun jekk f’dak il-mument inħarsu fil-qalb tagħna l-fjamma ċkejkna tal-fidi! Ġesù jaqbdilna jdejna, kif qabad id bint Ġajru, biex itennilha mill-ġdid: ‘Talità kum’, ‘Tfajla, qum!’ (Mk 5:41). Se jgħidu lilna, lil kull wieħed u waħda minna: ‘Qum, irxoxta!’”.
F’dik l-Udjenza tat-18 ta’ Ottubru 2017, il-Papa qal: “Jien issa nistedinkom tagħlqu għajnejkom u taħsbu f’dak il-mument: tal-mewt tagħna. Kull wieħed u waħda minna jaħseb fil-mewt tiegħu, u jistħajjel lilu nnifsu f’dak il-mument li għad iseħħ, meta Ġesù jaqbdilna jdejna u jgħidilna: ‘Ejja, ejja miegħi, qum’. Hemm tintemm it-tama u tkun ir-realtà, ir-realtà tal-ħajja. Aħsbu sew: Ġesù nnifsu għad jiġi għand kull wieħed u waħda minna u jaqbdilna jdejna, bil-ħlewwa tiegħu, bit-tjieba tiegħu, bl-imħabba tiegħu. U kull wieħed ħa jtenni fil-qalb tiegħu l-kelma ta’ Ġesù: “Qum, ejja. Qum, ejja. Qum, irxoxta!”.
“Din hi t-tama tagħna quddiem il-mewt. Għal min jemmen, hi bieb li jinfetaħ kollu beraħ; għal min jiddubita hi bħal xaqq ta’ dawl li jgħaddi minn fuq l-għatba tal-bieb, għax il-bieb ma jkunx magħluq għalkollox. Imma għalina lkoll, sa tkun grazzja, meta dan id-dawl, tal-laqgħa tagħna ma’ Ġesù, idawwalna.”
“Jekk aħna nemmnu fil-ġenna,” qal il-Papa Franġisku fil-ġimgħa ta’ wara, fil-25 ta’ Ottubru 2017, “il-mewt ma tibqax tbeżżagħna”. F’dawn il-ġranet, hemm ħafna li fuq il-midja soċjali jippostjaw l-esperjenza tagħhom mal-Papa Franġisku. Kien hemm ġurnalista Spanjol li poġġa silta minn intervista li għamel lill-Papa Franġisku snin ilu. Waħda mill-mistoqsijiet li għamillu kienet: ‘Inti tibża’ mill-mewt?’ U r-risposta tal-Papa Franġisku kienet le, u isimgħu għaliex.
“Jekk dan nemmnuh, il-mewt ma tibqax tbeżżagħna, u nistgħu wkoll nittamaw li nitilqu minn din id-dinja b’mod seren b’ħafna fiduċja. Min iltaqa’ ma’ Ġesù u sar jafu, ma jibża’ minn xejn iżjed. U nistgħu ntennu aħna wkoll kliem ix-xwejjaħ Xmuni, anki hu mbierek mil-laqgħa ma’ Kristu, wara ħajja sħiħa fl-istennija: ‘Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skont kelmtek, għax għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek’ (Lq 2:29-30).
U f’dak il-waqt, sa fl-aħħar, ma jkollna bżonn ta’ xejn iżjed, ma nibqgħux naraw imċajpar. Ma nibkux iżjed għalxejn, għax kollox ikun għadda; anki l-profeziji, anki l-għarfien. Imma l-imħabba le, dik tibqa’. Għax ‘l-imħabba ma tintemm qatt’ (ara 1 Kor 13:8).”
Agħtih o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. Id-dawl ta’ dejjem jiddi lilu. Jistrieħ fis-sliem. Ammen.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 2:36-41
Salm: 32(33):4-5,18-19,20,22
L-Evanġelju: Ġw 20:11-18