Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-arblu tar-razza ta’ Ġesù, skont l-Evanġelju ta’ San Mattew, jikkonċerna l-Iben t’Alla magħmul bniedem fil-ġuf ta’ Marija ta’ Nazaret. Hu bin David u bin Abraham, mhuwiex l-arblu tan-nisel ta’ Marija, imma huwa ta’ Ġużeppi. Marija tidħol f’dan l-arblu tar-razza għax hi mwiegħda bħala għarusa ta’ Ġużeppi, bin David u bin Abraham.

Il-festa tat-twelid tal-Madonna

Illum niċċelebraw it-twelid tagħha u nħarsu lejn dak li fehmu missirijietna meta għażlu li jiċċelebraw it-twelid tal-Omm. Din il-festa twieldet fil-Lvant, frott iż-żelu u d-devozzjoni tal-Knisja ta’ Ġerusalemm. Kienet taħbat mal-konsagrazzjoni tal-knisja ddedikata lit-Twelid tal-Verġni u lill-ġenituri tagħha, Anna u Ġwakkin.

L-ulied tal-Lvant, meta kienu jimmeditaw il-festa, kienu jħarsu lejn ix-xefaq biex jaraw is-sebħ — l-istennija tal-ġustizzja. Għalhekk it-titlu sabiħ tal-Madonna hu “Aurora” — is-sebħ. Hi mhix ix-xemx tal-ġustizzja, imma s-sebħ li jħabbar li dalwaqt titla’ fuq ix-xefaq ix-xemx tal-ġustizzja — Ġesù. Din hi festa ta’ tama u ferħ kbir. Immaġinaw il-baħħara, li tilfu l-kont tal-kwiekeb u jilmħu l-ewwel swaba’ ħamranija tas-sebħ; il-ferħ tagħhom hu li, qabel ma tlugħ ix-xemx, ikunu jistgħu jifhmu fejn qegħdin u fejn sejrin.

Fil-Ġublew tat-Tama, irridu nirringrazzjaw lil Alla għat-twelid ta’ din it-tarbija minn Anna u Ġwakkin, li għalina u għall-umanità hu sinjal umli iżda qawwi li juri li Alla hu tassew Salvatur u Alla magħna. Binha, il-frott imbierek tal-ġuf tagħha, bir-raġun issemma Yeshua — “Alla jsalva” u Emmanuel — “Alla magħna”. Bit-twelid tal-omm, aħna nibdew niċċelebraw il-bidu tas-salvazzjoni tagħna.

L-influwenza Orjentali

Il-Knejjes Orjentali kienu jibdew is-sena liturġika fil-bidu ta’ Settembru, u għalhekk għażlu li tikkoinċidi mal-festa solenni tat-twelid ta’ Marija. Fil-kalendarju tagħna, b’mod speċjali wara l-Medju Evu, peress li s-sena liturġika tibda fl-Avvent, għażilna li lum tiġi ċċelebrata l-festa tat-tnissil tal-Madonna.

Il-knejjes kollha, imma, jiltaqgħu f’din il-fidi u f’dan il-ferħ: li l-omm tieħu ħsieb kemm il-bidu kif ukoll it-tmiem. Mhux ta’ b’xejn sa miċ-ċokon tagħna tgħallimna niċċelebrawha u nsellmulha: “Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja, imbierka inti fost in-nisa, u imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek.” Imma tgħallimna wkoll nitolbuha titlob għalina “midinbin, issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna.” Hawnhekk naraw kemm hi preżenti kemm fil-bidu kif ukoll fit-tmiem tal-ħajja tagħna.

Aħna l-Latini fehmna l-importanza ta’ din il-festa, u lqajnieha mil-Lvant mill-qalb u ċċelebraina it-twelid safi ta’ omm imnissla mingħajr tebgħa. Id-data magħżula, l-8 ta’ Settembru, tagħtina l-opportunità li niċċelebraw il-festa disa’ xhur qabel il-Kunċizzjoni, fit-8 ta’ Diċembru — waħda mill-iżjed festi antiki u l-aktar qaddisa fl-Orjent.

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Aħna forsi qegħdin fl-eqdem parroċċa dedikata lil dan it-titlu, u hawnhekk b’dawn it-titli antiki tal-knejjes tagħna, wieħed mingħajr diffikultà jista’ jara l-influwenza tad-dinja Orjentali, li tagħti privileġġ lill-qaddisin tal-Lvant, imma anke lit-titli tal-Madonna marbutin mat-tradizzjoni tal-Lvant u ta’ Ġerusalemm. Aħna u nsemmu t-twelid tagħha, insellmu lill-ġenituri tagħha tal-isem li tawha.

Xi jiem ilu ltqajt ma’ ikona Orjentali li qatt ma kont iltqajt magħha qabel — ikona bi tliet nisa qishom pupi tal-Marioska Russa: omm tħaddan omm, li tħaddan omm oħra. L-ewwel omm hi Marija, it-tieni Alla, it-tielet Marija ta’ Nazaret. L-Orjentali għandhom devozzjoni wkoll għal omm Sant’Anna, in-nanna tal-Madonna, li skont it-tradizzjoni antika kien ukoll jisimha Marija.

Għalhekk, l-isem Marija għandu tifsira profonda. San Ġlormu jispjega li ‘Marjam’, kif jgħidu l-istudjużi kollha, ifisser “qatra mill-baħar”, bil-Latin “Stella Maris”. Din il-qatra tal-oċean, fil-qalba tal-ħolqien u tal-imħabba t’Alla, isservi bħala gwida għall-bniedem: hi ċkejkna iżda twassal dawl, il-kewkba li tgħin lill-baħħara kif iterrqu fuq il-baħar. Dan hu wkoll il-kobor ta’ Marija.

Fiż-żewġ tifsiriet profondi ta’ isimha, għandna innu sabiħ ħafna, Ave Maris Stella: “Sliem għalik, kewkba tal-baħar”. Din il-qatra fil-baħar issir il-kewkba li turina t-triq qalb il-ħalel kbar tal-ilmijiet. Marija tagħraf iċ-ċokon tagħha imma bl-umiltà wkoll tagħraf li kull nisel jibda jsejħilha ‘hienja’.

Marija tar-rebħa

Aħna l-Maltin u l-Għawdxin inqimu lill-Omm t’Alla fil-festa tat-twelid tagħha bħala Sidtna Marija tar-Rebħa: il-Vitorja. Għal tliet darbiet fl-istorja tagħna, ħassejna f’dan il-jum l-interċessjoni qawwija tagħha fl-istorja tagħna: fl-1565, fl-1800 u fl-1943.

Nixtieq nagħmel riflessjoni qasira fuq dak li jgħaqqad dawn it-tliet kommemorazzjonijiet li l-Istat ġustament jagħmel, u li aħna bħala komunità ta’ fidi nagħmlu bħal-lum.

Fl-1565, fuq ix-xefaq tal-Port il-Kbir deher il-Gran Soccorso — l-għajnuna essenzjali għall-Kavallieri u l-poplu Malti li kienet ġejja minn Sqallija. Fl-1800, l-iżblokk kontra l-Franċiżi sar bl-għajnuna tax-xwieni ta’ Nelson. Fl-1943, meta n-Navy Taljana ċediet u nġabret fil-Port il-Kbir biex iċċedi lill-alleati.

Dawn it-tliet dati nħossuhom bħala festa u modestament rebħiet tagħna, iżda wkoll bħala sinjal tal-qawwa tal-koperazzjoni u l-għajnuna internazzjonali. Dawn ir-rebħiet m’għamilnihomx biss bis-saħħa tagħna imma bil-għajnuna tal-Isqallin, tal-Ingliżi u tal-alleati. Għalhekk, meta niċċelebraw dawn ir-rebħiet, niftakru li ma konniex waħedna.

L-għedewwa attwali

Għax il-patrimonju tagħna, li aħna nħobbu u dejjem ħabbejnieh, dejjem għandu jiġi salvagwardjat u garantit bil-koperazzjoni tal-ġirien tagħna ta’ rieda tajba. Konna attakkati mill-ġirien tagħna, imma wkoll konna meħlusa bl-għajnuna tagħhom.

Minħabba l-koinċidenza ta’ din id-data dejjem ħassejna l-interċessjoni ta’ Sidtna Marija. Dan bħalma hemm miktub fuq l-ark tas-sanwarju antik tal-Madonna tal-Mellieħa, li jikkwota is-Salm 22:5: “Fik ittamaw misssirijietna, fik ittamaw u intom ħlisthom”.

Aħna u niċċelebraw ir-rebħiet li għaddew, u r-responsabbiltà li għandna hi li nibqgħu strument ta’ ġid, b’mod speċjali wara l-indipendenza, biex nippreservaw is-sovranità tagħna bħala pajjiż ċkejken imma b’dinjità. Filwaqt li niċċelebraw dak li għadda, irridu nħarsu lejn il-preżent u nittamaw għall-futur.

X’inhuma l-battalji attwali tagħna? Nistgħu ngħidu li m’aħniex taħt theddida esterna, għax għandna biżżejjed persuni mhux moħħhom f’postu li jmexxu d-dinja. Imma jista’ jkun li l-għadu mhuwiex ’il bogħod minna, imma qiegħed fostna u fil-qalb tagħna.

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Għandna bżonn nissieltu flimkien biex l-għadu li jista’ jfarrakna, ma jfarrakniex. Ippermettuli nsemmi ftit mill-elementi li għandna bżonn nirbħu bis-serjetà.

L-ewwel għadu hu r-rebgħa. Għandna bżonn ninfatmu mir-rebgħa u kulħadd jeżamina l-qalb tiegħu. Ir-rebgħa tavvelena l-qalb. Kun kuntent b’li għandek u rringrazzja lill-Mulej. Il-Mulej ibierek il-ġid ta’ kulħadd. Jalla kulħadd ikun mimli bil-ġid imma li jkollok il-ġid m’għandux ifisser li tikkalpesta lil ħaddieħor jew lill-ambjent biex ikollok iżjed. U dan għaliex? X’se tieħu miegħek wara mewtek? Il-kefen m’għandux bwiet! Tista’ tgħidilhom ipoġġulek il-flus kollha li għandek fit-tebut. Imma jistgħu jagħmlulek ċekk u xorta jkunu tawk il-flus, mingħalik.

It-tieni għadu tagħna li qed niġġieldu u li qed jirvina ħafna żgħażagħ, imma mhux biss, huwa l-abbuż tas-sustanzi: mhux biss id-drogi imma wkoll l-alkoħol. Dawn huma affarijiet li tista’ tużahom b’moderazzjoni, imma xorta jfarrkuk. Hemm bżonn li waqt li ngawdu l-libertà, ma naħarqux ħajjitna. Intom trid tifhmu wkoll li jiena, u naħseb li qiegħed f’sintonija mal-Istat għall-viżjoni tiegħu għall-2050, irrid li naħdmu flimkien biex ikollna kwalità tal-ħajja tassew sabiħa. Allura, ir-rebgħa mhix se tagħtina l-paċi imma se tkissirna. L-abbuż mid-droga u l-alkoħol ma jikkawżax ħsara biss lill-żgħażagħ tagħna, imma wkoll lill-familji u lir-relazzjonijiet ta’ bejnietna.

Bħalissa qed tinkwetani wkoll id-dipendenza fuq il-ħajja virtwali. Inħarsu lejn l-ismartphones tagħna u m’għandniex ċans niltaqgħu bejnietna bħala nies. Dan huwa vizzju ieħor .

It-tielet preokupazzjoni tiegħi hi l-barka tal-ulied, min jista’. Il-pajjiż għandu ċ-ċifra fost l-aktar baxxi ta’ twelid fl-Ewropa, u filwaqt li għandna komunità żgħira, qegħdin mexjin lejn l-estinzjoni tal-etniċità tagħna. Dak li ma għamlux l-għedewwa tagħna qed nagħmluh aħna b’idejna. Nirringrazzja lill-Istat għal dak kollu li nagħmlu lkoll flimkien biex liż-żgħażagħ tagħna nagħtuhom bejta affordabbli u fl-istess ħin tama. Huwa sabiħ li njrabbu kelb jew qattus għax huma ħolqien ta’ Alla, imma l-ulied huma teżor kbir.

Tifhmu li dawn mhumiex battalji faċli, għax l-għadu mhux dejjem jidher. Għandna bżonn l-interċessjoni ta’ Sidtna Marija, hi li għexet il-faqar mingħajr rankur, hi li binha qal: “Henjin il-foqra fl-Ispirtu għax għalihom hi s-Saltna tas-Sema.”

It-tama u l-protezzjoni ta’ Marija

Hi kienet totalment safja u skvaja ta’ ħadd, imma qaddejja umli ta’ Alla. Hi ngħażlet biex twelled lil Iben ta’ Alla l-Ħaj. Jien nixtieqha nitolbha ħafna llum biex tħares lil pajjiżna kif dejjem ħarsitu. Insellmilha b’isemha għax inħoss li hi wkoll, fil-personalità tagħha, fil-grazzja tagħha, u fis-sbuħija tagħha, tirrappreżenta s-sinifikat profond ta’ pajjiżna.

Ejja, dik il-qalb ħelwa, bħal artna li hi art ħelwa “Melitae” (art il-għasel) – għax Dun Karm fil-ġenju tiegħu, fl-ewwel vers tal-Innu Malti, tana ż-żewġ sinifikati tal-isem Malti: post ta’ ħlewwa li jnixxi l-għasel u port sikur. Għalhekk, nitolbu lil Alla biex jħares lil Malta kif dejjem ħarisha.

Allura, Marija wkoll hi dik il-qalb ħelwa li tnixxi l-għasel bnin tal-Kelma t’Alla, tal-umiltà, tal-imħabba u tas-servizz, imma hi wkoll port sikur. Hu dak il-post li lejha ndur fit-tħassib, hi dik il-kewkba u ħarsa ta’ ħniena li, fit-tħassib “ta’ dan il-wied ta’ dmugħ”, turina lil binha Ġesù.

Nitolbuk, Marija, li tħares fuq din l-art ħelwa. Ħarisna għax inti ta’ qalb ħelwa u inti wkoll il-ħarsien tagħna; ir-rebħa vera tagħna. Int li int qatra tal-oċean, kun għalina wkoll kewkba tal-baħar, Stella Maris. Marija Bambina, kun int li tiggwidana.

Viva Marija Bambina!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Qari tal-Quddiesa
Qari I: Mikea 5:1-4a
Salm: 12:6
Qari II: Rum 8:28-30
L-Evanġelju: Mt 1: 1-16, 18-23

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Aktar ritratti