L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Għeżież, “araw b’liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu wlied Alla, u hekk aħna tassew” (1 Ġw 3:1). Din il-kelma tal-Appostlu San Ġwann, fl-ewwel ittra tiegħu, tkun ta’ kuraġġ għalina, aħna u nibdew il-Ġublew Imqaddes tas-sena 2025. Ġublew, li l-Papa jixtieqna li fih nikbru bħala pellegrini ta’ tama. Il-pellegrin hu bniedem f’mixja; il-pellegrin ta’ tama jaf li hemm wegħda, kelma, li mhux se tonqos, u li mhux se tqarraq bih.
It-tama tagħna mhijiex illużjoni, mhijiex ħrafa, mhijiex ħlieqa tal-bnedmin; it-tama tagħna hi persuna: Ġesù. Aħna pellegrini, li pass pass, daqqa nogħtru, u daqqa le; resqin lejh.
Il-Papa Franġisku lilna l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, inħoss li tana konsenja speċjali, messaġġ speċjali. Meta fis-17 ta’ Mejju ltqajna miegħu, u staqsejnieh x’kienet ix-xewqa ta’ qalbu għal dan il-ġublew. Uża dan il-kliem bit-Taljan: ‘Una grande festa di misericordia (festa kbira ta’ ħniena)’.
“Araw b’liema għożża ħabbna l-Missier” (1 Ġw 3:1). L-ewwel esperjenza tal-ħniena, l-aħwa, mhux li tinfena bil-ħsieb tad-dnub tiegħek u ta’ ħaddieħor; imma li tagħraf kemm iħobbok Alla; li għażlek bħala bintu, bħala ibnu; li bagħat lil Ibnu fid-dinja, biex aħna nsiru wliedu, u nkunu wliedu tassew, u aħwa bejnietna. Biex ikun jista’ jgħallimna l-Mulej Ġesù, nitolbu hekk: “Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek” (Mt 6:9). L-Irxoxt lill-Maddalena jgħidilha li “sejjer għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom” (Ġw 20:17).
Il-Papa xtaq li fid-djoċesijiet kollha tad-dinja llum jibdew il-Ġublew għall-komunità lokali, anke għall-knejjes lokali. Hu inawgurah f’Ruma f’lejlet il-Milied, kif tafu. U llum, qegħdin nibdew bħala komunità ta’ fidi dan il-Ġublew. Mument ta’ grazzja u stedina ta’ ħniena. U Ġesù, meta ried jagħtina l-ħniena u jurina l-ħniena, waqqaf sagrament. L-ewwel sagrament hu l-magħmudija, li jaħfer id-dnubiet kollha; imma wara l-magħmudija hemm is-sagrament tal-qrar.
Min irid jiċċelebra l-Ġublew f’din is-sena, jibda ritmu ta’ qrar regolari. M’hemmx għalfejn kuljum, imma b’mod regolari, skont il-bżonn, u skont l-emerġenza wkoll. Nidħlu fl-ispirtu ta’ dan is-sagrament, li hu sagrament ta’ verità imma wkoll sagrament ta’ ħniena; mhux kamra tat-tortura, il-Papa jħobb ħafna jgħid: isma’ l-qrar mhux tortura! Il-qrar hu festa ta’ ħniena imma ta’ verità.
Tgħiduli: ‘imma f’dan il-Ġublew, hemm xi grazzja speċjali?’ Iva! Il-Papa jispjegahilna. Meta niċċelebraw il-Ġublew, bħalma qed nagħmlu llum, il-Knisja fil-misteru tax-Xirka tal-Qaddisin, tagħti wkoll li neħilsu mit-tpattija kollha ta’ dnubietna. Id-dnubiet tagħna jinħafru bil-qrar; it-tpattija tagħhom tinħafer ukoll bil-grazzja tal-Ġublew, dak li jgħidulu l-Indulġenzja Plenarja; meta l-Mulej, inaddfek sew minn ġewwa; u anke permezz tiegħek, jieħu ħsieb lill-maħbubin tiegħek li telqu qabilna.
L-ewwel sagrament hu l-magħmudija, li jaħfer id-dnubiet kollha; imma wara l-magħmudija hemm is-sagrament tal-qrar.
Din hi l-grazzja kbira ta’ din il-ħniena li qed toffri l-Knisja; li għal darba, darbtejn kuljum, jiena nista’ wkoll, neħles lil ħuti mejtin mit-tpattija kollha ta’ dnubiethom. U tgħiduli, x’għandi nagħmel? Iżżur il-Katidral, tgħid: il-Missierna, l-Kredu, u talba lill-Madonna; jiena nissuġġerixxi s-Salve Regina. Għaliex qed nissuġġerilkom is-Salva Regina? Għax “Sliema għalik Sultana, Omm tal-ħniena, ħajja, ħlewwa, tama tagħna”. U allura, peress li hemm dik il-frażi sabiħa, li lill-Madonna ngħidulha ‘tama tagħna’, f’din is-sena bħala pellegrini tat-tama; ta’ min nitolbuha ħafna t-talba ta’ ‘Sliema għalik Sultana’.
U barra minn hekk, din hi l-iżjed parti diffiċli, irridu nagħmlu sforz biex ninfatmu mill-ħażen li hemm fina, min fil-ftit, u min inqas ftit. Il-Papa qed jgħidilna, l-Indulġenza Plenarja tista’ teħodha wkoll anke mid-dar tiegħek, jekk inti marid, jekk inti l-ħabs, jekk inti f’residenza tal-anzjani, jekk int qed tieħu ħsieb xi ħadd u ma tistax tiċċaqlaq minn fejn inti. Tingħaqad magħna, mal-isqof, pereżempju meta jqaddes. Intom tafu li jiena kull nhar ta’ Ħadd inqaddes, u tkun trasmessa biex tilħaq kemm jista’ jkun nies li ma jistgħux jiġu l-Knisja; u tingħaqdu miegħi, u jkollkom l-indulġenza plenarja wkoll.
Imma l-Papa qed jissuġġerilna wkoll ‘l-Opri tal-Ħniena’. Għax jiena nilqa’ l-ħniena ta’ Alla imma rrid nuri l-ħniena tiegħi ma’ ħuti. U l-opri tal-ħniena huma dawk li jmissu l-ġisem: itma’ lil min hu bil-ġuħ, niftakru fis-soup kitchens tagħna – fil-Kċina ta’ Marta; isqi lil min hu bil-għatx, libbes lill-għarwien, ilqa’ lill-barranin, żur lill-morda, żur lill-priġunieri, idfen lill-mejtin. Dawn huma l-opri tal-ħniena materjali, li jmissu l-ġisem. Imma hemm ukoll l-opri tal-ħniena li jmissu r-ruħ spiritwali: agħti parir lil ħosbiena, bniedem inkwetat farrġu u mhux iżżidlu l-inkwiet; għallem lil min ma jafx – dak li jkun iftaħlu għajnejh; widdeb lill-midinbin, kultant nippreferu s-silenzju ħalli ngħixu ħajja komda (ibda minni nnifsi); farraġ lill-imnikktin, aħfer il-ħtijiet. Forsi din tal-aħħar l-iktar waħda diffiċli. Tista’ tieħu l-indulġenza plenarja jekk hemm xi ħadd irrabjat għalih? Taħfirlu. Altru, Missierna, Sliema u Qaddisa! Hawn il-prezz qed jogħla! Stabar b’min idejqek – din ukoll, il-paċenzja. Kieku nifhmuha din, li anke fit-traffiku nieħdu naqra paċenzja b’xulxin, tgħid illum soqt u ħadt indulġenza plenarja. Itlob lil Alla għall-ħajjin u għall-mejtin. Imma mbagħad il-Papa jinsisti wkoll għaż-żjajjar ta’ min hu fil-bżonn jew f’diffikultà: morda, priġunieri, anzjani weħidhom, persuni b’diżabbiltà.
Fl-ewwel tas-sena, pereżempju, nagħmlu l-Maratona tad-Dar tal-Providenza. Ejjew żuruha lil din id-Dar, iltaqgħu mar-residenti; dan il-kuntatt iġib ukoll fuqna ħniena kbira. Imma fuq kollox ukoll, il-Papa qed jinsisti li nidħlu fi spirtu ta’ sabar u anke ta’ kontroll tagħna nfusna.
It-tama tagħna mhijiex illużjoni, mhijiex ħrafa, mhijiex ħlieqa tal-bnedmin; it-tama tagħna hi persuna: Ġesù.
F’ħin minnhom jgħid, isma’ aħna nhar ta’ Ġimgħa mhux biss tajjeb li ssum mil-laħam; imma mhux aħjar il-Papa jgħid issum mill-internet? Minn konsum żejjed? U jgħid ukoll nagħtu somma proporzjonata ta’ flus lill-foqra. Għandna diversi inizjattivi; jiena nbierek lill-poplu tagħna kemm hu ġeneruż; il-maratoni li jsiru huma xhieda ta’ kemm il-poplu tagħna hu ġeneruż. Ħu pereżempju, l-istrina, hi festa li tagħmlilna unur. U l-Papa qed jgħidilna dik ukoll opra ta’ ħniena, li tiġbed fuqek il-ħniena ta’ Alla, imma wkoll xogħlijiet ta’ natura reliġjuża jew soċjali.
Issa ħa nikkwota lill-Papa, speċjalment inizjattivi favur id-difiża u l-protezzjoni tal-ħajja, fil-fażijiet kollha tagħha, u tal-kwalità tal-ħajja nnifisha; tat-tfal abbandunati, għandna l-Fondazzjoni Sebħ; ta’ żgħażagħ f’diffikultà, għandna l-Caritas; ta’ anzjani fil-bżonn, jew weħidhom; ta’ migranti minn diversi pajjiżi.
Ejjew noħolmu kif nistgħu nuru mħabba konkreta ma’ kulħadd, biex din il-festa kbira ta’ ħniena, ma tkunx biss ta’ ġid għalija, imma ta’ faraġ għall-proxxmu. U tassew din is-sena għall-poplu tagħna hi festa kbira ta’ ħniena.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Sam 1:20-22,24-28
Salm: 83 (84):2-3,5-6,9-10
Qari II: 1 Ġw 3:1-2,21-24
L-Evanġelju: Lq 2:41-52