-
-
Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas, Ħaż-Żebbuġ
20 ta’ Ġunju 2018Impressjonani ħafna l-motto magħżul għal din is-serata: ‘Nagħżel li nħobb, nagħżel li ngħix’. L-ewwel nett għaliex inħoss li l-elementi ta’ dan il-motto huma wkoll il-qalba tal-esperjenza tal-programm, ta’ diversi servizzi li toffri l-Caritas, li wara kollox hija espressjoni tal-kultura tal-ħajja li mhux biss tieħu ħsieb il-bidu u t-tmiem imma anke dak li jiġi bejn it-twelid u l-mewt, għax il-kultura tal-ħajja hija li tkun taf tgħix. Jiena naħseb li jekk ikolli nagħti definizzjoni ta’ kull programm li toffri l-Caritas, huwa mod kif tgħallmek tgħix u tgawdi tassew il-ħajja. U s-sigriet ta’ dankollu huwa li titgħallem tħobb u taċċetta l-imħabba.
Fil-motto hemm kelma importanti ħafna: nagħżel. Mhix kwistjoni ta’ istint imma hija għażla li għandha prezz. Meta nagħmel għażla kultant ikolli bżonn inwarrab affarijiet oħrajn li se jfixkluni u nħaddan persuni, stil ta’ ħajja li jgħini. Il-koreografija li wrewna r-residenti tispjega dankollu u jiena nixtieq mhux biss nawguralhom u nirringrazzjahom imma wkoll nifirħilhom tal-kapaċità tagħhom għal dan ix-xogħol sabiħ. Dak kollu li qed naraw hawnhekk illum huwa espressjoni tal-ħidma tagħhom, tal-isforzi tagħhom, tal-għażla tagħhom.
Li inti tagħżel li tgħix ta’ nies u li inti tagħżel li tħobb, mhuwiex diskors ta’ jumejn imma impenn ta’ ħajja li kull darba jrid jiġġedded.
Il-filmat li qed naraw qed jipprova jispjegalna xi ħaġa li lkoll kemm aħna rridu nitgħallmuha: li l-proċessi mhumiex ta’ jumejn jew erba’, imma ta’ ħajjitna kollha. Li inti tagħżel li tgħix ta’ nies u li inti tagħżel li tħobb, mhuwiex diskors ta’ jumejn imma impenn ta’ ħajja li kull darba jrid jiġġedded.
Jiena u ġej lura miċ-Ċilì kont qed naqra diskors li l-Papa għamel lill-istudenti saċerdoti f’Ruma u kellu djalogu magħhom. U fost il-ħafna affarijiet li qal bis-sens ta’ umoriżmu tipiku tiegħu, qalilhom: ‘Aħna rridu nidraw nagħrfu lilna nfusna billi l-ewwel nett naċċettaw id-dgħufijiet tagħna, għax jekk nippruvaw naħarbu minnhom, jegħlbuna’. U din l-għażla trid tkun għażla ġenwina u għaqlija jekk tammetti li ma kull għażla se jkun hemm ukoll id-dgħufija.
Forsi wkoll ikun hemm mumenti li jiena l-għażla tiegħi ma nibqax fidil lejha, imma mhux għal daqshekk irrid naqta’ qalbi jien. Jiena nagħżel li ngħix ta’ nies u kultant ikolli ġurnata mhux ta’ nies; nagħżel li nħobb imma kultant taqbiżli ċ-ċinga, imma ma jfissirx li l-għażla spiċċat, anzi nerġa’ nibda b’umiltà kbira u b’realiżmu kbir.
Il-kliem tiegħi nixtieq li jkun l-ewwel nett kliem ta’ apprezzament għal dak kollu li tagħmel il-Caritas, imma fl-istess ħin ikun kliem ta’ kuraġġ lir-residenti u anke forsi kliem ta’ kuraġġ lil xi ħadd li qed jismagħni u li għandu bżonn iħabbat il-bieb tal-Caritas, xi ħadd li forsi għamel għażla imma minħabba d-dgħufija ta’ kull wieħed u waħda minna ma rnexxilux kif xtaq. Agħmel kuraġġ, ħija l-għażiż, oħti l-għażiża.
Jiena nixieq nirringrazzja lilek, Eċċ. President tar-Reppublika, tal-preżenza sabiħa tiegħek. Fil-preżenza tal-Ministru Michael Farrugia nixtieq nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lill-Gvern tas-sapport li jagħti lis-servizzi tal-Caritas. Nifhem li l-Gvern jifhem li huwa investiment fiż-żgħażagħ tagħna, fil-familji tagħna, imma huwa investiment magħmul b’għażla. U ta’ dan nixtieq u huwa dover li nuru l-apprezzament tagħna.
Kelma lis-soċjetà tagħna. Ħin minnhom waqt il-koreografija, fuq id-dahar u fuq is-sider taż-żagħżugħ waħħalna ħafna tabelli. Kemm tkun ħaġa sabiħa li minflok nużaw idejna biex inwaħħlu t-tabelli, nużawhom biex ngħannqu lil xulxin b’tgħanniqa li tagħti kuraġġ. Kunu mberkin u grazzi ħafna.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace