L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha” (Mt 28:19). Din hi l-istedina ħerqana ta’ Ġesù li smajna fl-Evanġelju għall-festa tal-lum. “Għammduhom fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” (Mt 28:19). Mela l-kmand ta’ Ġesù mhuwiex biss ix-xandir tal-Bxara t-Tajba, u li aħna l-Insara f’kuntatt mad-dinja, nattiraw iżjed nies għall-familja ta’ Ġesù; imma wkoll li bil-qawwa tiegħu, aħna u l-umanità, nidħlu fil-ħajja ta’ Alla li hu mħabba: il-Missier, u l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu.

Għax dan ifisser li titgħammed. Li titgħammed ifisser li jkollok esperjenza. San Ġorġ Preca kien iħobb juża din it-tixbiha: ‘bħal ħuta tgħum fl-ilma’. Bl-Inġliż ‘full immersion’. Li inti tgħix f’Alla, bħal ħuta li tgħum fl-ilma. U meta Ġesù jitkellem fuq din l-immersjoni totali, li wieħed jogħdos fil-ħajja ta’ Alla, lil Alla jagħtih dan l-isem: il-Missier, l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu – Alla wieħed – imma li fl-isem tiegħu hemm tliet persuni: il-Missier, l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu.

Il-Missier, jissejjaħ Missier, għax għandu Iben. L-Iben jissejjaħ iben, għax għandu Missier; u l-Ispirtu s-Santu hu l-imħabba li tgħaqqadhom. U l-Mulej Alla wrina min hu billi bagħat lil Ibnu bniedem bħalna u tah l-isem ta’ Ġesù – Ġesù ta’ Nazaret, Ġesù Nazzarenu. Bagħat ukoll l-Ispirtu Qaddis tiegħu biex ikun ta’ għajnuna. Aħna nafu min hu Alla għax Alla wera lilu nnifsu billi ħa inizjattiva biex ikun ta’ għajnuna u ta’ fejda għalina. Aħna indunajna li hu l-iben tiegħu meta bagħtu bniedem bħalna f’kollox minbarra fid-dnub. Aħna indunajna li l-Ispirtu Qaddis tiegħu hu l-imħabba li għandu għall-Iben u l-Iben għandu għall-Missier meta rċevejna wkoll il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu għall-maħfra tad-dnubiet, għat-trasformazzjoni tad-dinja.

Illum nixtieq ninsisti magħkom fuq xi ħaġa li smajna mit-tieni qari tal-Appostlu Missierna fl-ittra tiegħu lir-Rumani. Imbagħad ngħidilkom għaliex nixtieq li nifhmuha tajjeb din il-kelma ta’ Pawlu l-Appostlu Missierna. Jgħidilna hekk: “Intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: ‘Abba! Missier!’” (Rum 8:15).

X’qed jipprova jgħidilna l-Appostlu Missierna? Li l-fidi tagħna mhix fidi bbażata fuq il-biża’: ngħix ħajja tajba għax nibża’ minn Alla jew nibża’ mill-infern, bħalma kultant jippruvaw ibeżżgħuna. Li jiena nimxi tajjeb u nobdi lil Alla għax għaraft li hu Missieri u  jħobbni. Fejn hemm l-imħabba m’hemmx biża’ għax l-imħabba tkeċċi kull biża’.

Meta ngħidu li d-don tal-Ispirtu s-Santu hu l-biża’ ta’ Alla jfisser li jiena lil Alla nittrattah ta’ Alla li hu, mhux xi ħadd li jaqdini meta rrid jien, qisu xi ġugarell. Dak ifisser li jkollok il-biża’ ta’ Alla, li inti tqimu ta’ Alla li hu; mhux titwerwer minnu.

Illum nagħmlu festa għal Alla li hu mħabba, ġust fil-verità tiegħu; imma ħanin fil-qawwa u fl-omnipotenza tiegħu.

Illum nitlob fuq il-poplu tagħna din it-talba ta’ ħelsien: il-ħelsien mill-biża’, mit-terrur ta’ Alla. U nagħmilha b’mod ċar għax xi kultant nisma’ jvenven ma’ widnejja kliem anke minn sħabna, li taparsi suppost jafu aħjar, li jitterrorizzaw lill-poplu tagħna b’Alla l-Imbierek u b’ħafna dehriet u qlajja’ tal-bluhat. Temmnuhomx! Iġġegħlux li dik tkun il-fidi tagħna mibnija fuq il-biża’ u t-terrur u d-dehriet u l-fantasiji.

Illum nagħmlu festa għal Alla li hu mħabba, ġust fil-verità tiegħu; imma ħanin fil-qawwa u fl-omnipotenza tiegħu. Hekk tgħid it-talba tal-Knisja fil-festa tal-lum: ‘O Alla Missier, inti bgħatt fid-dinja l-Kelma tal-Verità (li hi Ġesù) u l-Ispirtu tal-Qdusija (l-Ispirtu s-Santu), u wrejtna l-misteru tiegħek tal-għaġeb (li hu misteru ta’ mħabba, ta’ ħniena, ta’ mogħdrija).’

Nitolbu lill-Mulej jgħallimna nħossu l-bżonn tiegħu. Nerġa’ nagħlaq bit-talba sabiħa ta’ San Ġorġ Preca: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’.            

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Dewt 4:32-34,39-40
Salm: 32(33):4-5,6,9,18-19,20,22
Qari II: Rum 8:14-17
L-Evanġelju: Mt 28:16-20

Aktar ritratti