-
-
L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
-
Il-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija, l-Imġarr
18 ta’ Awwissu 2019
Il-festa ta’ Marija mtellgħa s-sema hija festa għażiża għall-Maltin. Mhux biss għax id-devozzjoni lejn Marija Assunta hi antika u mifruxa, imma wkoll minħabba r-rabta li hemm mal-istorja ta’ Malta. Kien fi żmien it-Tieni Gwerra meta l-Maltin talbu lill-Madonna, u l-Konvoj ta’ Santa Marija daħal proprju f’Malta fil-15 ta’ Awwissu 1942 biex Malta setgħet issalva. U għalhekk hemm din ir-rabta sabiħa li aħna dejjem ngħożżu, u tajjeb li dejjem ukoll inxerrdu, din ir-rabta sabiħa ma’ Marija Ommna li tieħu ħsiebna u tħarisna.Hi din l-imħabba kbira li għandkom intom lejn Marija Assunta f’din il-parroċċa għażiża tal-Imġarr. Nixtieq li llum inħarsu lejn din l-istatwa sabiħa ta’ Marija mtellgħa s-sema meqjuma f’din il-parroċċa u naraw x’tgħidilna. Insemmi żewġ messaġġi importanti li tgħidilna għal ħajjitna llum.
Destinazzjoni
L-ewwel nett, Marija mtellgħa s-sema turina d-destinazzjoni tagħna: fejn irridu naslu. Hi kienet l-ewwel waħda li gawdiet b’mod sħiħ mill-milja tal-qawmien ta’ Kristu, li qam mill-mewt biex jista’ jqajjem lilna lkoll għal ħajja ġdida.
Hi fis-sema tfakkarna fejn irridu naslu. Tfakkarna li ħajjitna hi mixja lejn din id-destinazzjoni. Aħna kull jum ta’ ħajjitna jeħodna hemmhekk, fejn waslet qabilna hi. M’aħniex imsejħin biex il-ħajja tagħna tkun ħajja ta’ ftit snin jew ħafna, imbagħad ikun hemm vojt. Aħna msejħin għas-sema pajjiżna. Meta aħna niftakru li rridu naslu hemm, dan il-ħsieb jgħinna fil-mixja ta’ ħajjitna.
Dal-ħsieb jgħinna speċjalment fil-mumenti diffiċli tal-ħajja tagħna, fil-mumenti tqal, biex aħna qatt ma nintrikbu mill-qtigħ ta’ qalb jew nispiċċaw nogħtru taħt il-problemi tal-ħajja. Għalhekk hu ħsieb li jagħmlilna l-kuraġġ f’dawk il-mumenti l-aktar iebsa tal-ħajja tagħna.
Jgħinna wkoll biex aħna norbtu qalbna ma’ dak li hu l-iktar importanti, u nagħtu l-ikbar prijorità lil dak li għandu jiġi l-ewwel fil-ħajja tagħna. Meta jkollna l-ħsieb tas-sema pajjiżna, dak inqiegħdu l-ewwel; ma norbtux qalbna ma’ dak li jgħaddi. Aħna msejħin biex inġibu ’l quddiem il-ħajja tagħna, tal-familja, u tas-soċjetà. Imsejħin biex nimpenjaw ruħna bis-sħiħ għal soċjetà aħjar, imma dejjem bil-ħsieb li hawn mhux it-tmiem. M’aħniex imsejħin għal hawn. Tagħmel differenza f’ħajjitna li m’aħniex imsejħin għal hawn. Il-ħsieb tas-sema jgħinna biex naħdmu sew hawn imma dejjem norbtu qalbna ma’ dak li jibqa’ għal dejjem.
It-triq lejn id-destinazzjoni
It-tieni messaġġ li nara f’dil-festa sabiħa hu fil-ħajja ta’ Marija. Għax f’Marija mtellgħa s-sema niċċelebraw it-tmiem, il-quċċata tal-ħajja tagħha. Hi tfakkarna mhux biss fid-destinazzjoni tagħna, imma t-triq li rridu nimxu biex naslu hemm. Għax mhux kull triq twassal għal dik id-destinazzjoni. Allura meta nħarsu lejn Marija u naraw kif għexet hi għandna l-isbaħ eżempju ta’ kif għandna ngħixu biex naslu fis-sema pajjiżna.
Jolqotni ħafna dak li qalet illum Eliżabetta fl-Evanġelju ta’ San Luqa meta qisha ġabret il-ħajja ta’ Marija u qalet: “Hienja dik li emmnet li jseħħ kulma ntqalilha min-naħa tal-Mulej”. Dik li mexxiet lil Marija f’ħajjitha kienet il-fidi f’Alla li għexet fil-ħajja ta’ kuljum. Dik il-fiduċja sħiħa f’Alla, fil-Kelma tiegħu, u r-rabta tagħha mar-rieda ta’ Alla. Hi xi ħaġa li aħna lkoll nistgħu nagħmlu f’ħajjitna. Ilkoll imsejħin biex ngħixu bħal Marija. Hemmhekk tassew insibu t-triq li twassalna fejn waslet qabilna hi – fis-sema pajjiżna.
Imsejħin biex il-ħajja tagħna ngħixuha tassew bil-fiduċja f’Alla, b’rabta mar-rieda tiegħu, u nfittxu bis-serjetà li nagħmlu dak li jrid Alla, anke meta kultant ikun diffiċli. Kif nafu, il-ħajja ta’ Marija ma kinitx ħajja faċli; anzi, jekk hemm ħajja diffiċli u iebsa, kienet tagħha. Imma hi qiegħdet il-fiduċja tagħha f’Alla, u din mexxietha ’l quddiem kontinwament.
Għalhekk il-festa tal-lum tfakkarna mhux biss fejn irridu naslu imma t-triq li rridu nimxu, bħal Marija, biex naslu hemmhekk.
Nifraħ u nfaħħar
Papa Franġisku, meta tlett ijiem ilu kien qed jitkellem fil-Festa ta’ Santa Marija fuq Marija mtellgħa s-sema, għamel ħsieb sabiħ ħafna fuq dan il-Kantiku ta’ Marija li għadna kif smajna u speċjalment fuq il-kelmiet: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi.”
Il-Papa semma’ ż-żewġ kelmiet li tgħid Marija: “tfaħħar” u “tifraħ”. Hu qal: Meta int tifraħ tkun trid li l-ferħ li tħoss ġewwa għal xi ħaġa sabiħa, turih. Marija tifraħ b’Alla, dak li għamel Alla magħha. Meta int tfaħħar, tkun tixtieq teżalta dak li hu sabiħ u tajjeb.
Għalhekk dan li tgħid Marija jiġbor ukoll il-ħajja tagħha: il-ħajja tagħha kienet ħajja ta’ tifħir lil Alla u ħajja ta’ ferħ, li Alla nissel f’qalbha u hi ġabet mal-oħrajn. Din hi s-sejħa tagħna wkoll f’din il-mixja li twassalna lejn is-sema pajjiżna: li aħna nkunu nies li nfaħħru lil Alla għall-kobor tiegħu u nkunu nies li nifirħu b’dak li Alla jagħmel magħna, u naqsmu dan il-ferħ mal-oħrajn.
Nixtieq nagħmlilkom din l-istedina, bħala komunità li tqimu lil Marija mtellgħa s-sema, biex tkunu komunità li tfaħħar lil Alla kontinwament u li tifraħ b’dak li Alla jagħmel magħha u taqsam dan il-ferħ mal-oħrajn.
Tafu intom kemm nisimgħu kliem ta’ tkasbir lil Alla. Kultant anke meta timxi fit-triq iktar tisma’ min joffendi lil Alla milli min ifaħħru. Is-sejħa tagħna hi biex għal kull offiża li nisimgħu aħna npattu b’iktar minn kelma waħda ta’ tifħir lil Alla. Is-sejħa tagħna hi wkoll biex aħna nkunu nies li nxerrdu l-ferħ. Alla mhux Alla ta’ dwejjaq imma Alla ta’ ferħ. Lilna jsejħilna biex inkunu nies li nxerrdu dan il-ferħ.
Jekk intom bħala parroċċa tkunu nies ta’ tifħir lil Alla u xxerrdu l-ferħ, in-nies l-oħra li ma jiġux hawnhekk il-knisja jew li jiltaqgħu magħkom, jistgħu jgħidu: ara kemm hu sabiħ tkun nisrani, kemm hu sabiħ temmen f’Alla, kemm hu sabiħ tkun devot ta’ Marija meta bħalha int ixxerred it-tifħir lil Alla u xxerred il-ferħ madwarek! Nistedinkom biex taħdmu ħafna fuq dan bħala komunità li hu mod konkret kif tistgħu tgħixu tassew id-devozzjoni lejn Marija.
Marija tistenniena
Papa Franġisku qal ukoll: Marija hi dik l-omm li qed tistenniena fis-sema. Hu uża din l-espressjoni: qiegħda “fuq l-għatba tas-sema” tistenna lilna uliedha. Kemm hi sabiħa meta niftakru li Marija mhux biss qiegħda tistenniena imma lilna tistedinna biex dejjem inħarsu ’l fuq. Innutaw l-istatwa u l-pittura, kif kulħadd qed iħares ’il fuq. Papa Franġisku jgħid li l-ħarsa tagħna għandha tkun ’il fuq mhux ’l isfel, u ngħinu lin-nies iħarsu ’l fuq mhux ’l isfel. Marija tgħinna biex aħna nħarsu ’l fuq lejn dak il-mument meta niltaqgħu magħha fis-sema. Hi dik l-omm li tgħinna fil-mixja tagħna sa ma aħna niltaqgħu magħha.
Nitolbu lil Marija bħala komunità f’din il-parroċċa biex hi tkun dejjem dik li tfakkarna fid-destinazzjoni tagħna u tgħinna fil-mixja tagħna li rridu nagħmlu hawn biex nieħdu l-eżempju tagħha ħalli l-mixja tagħna tkun mixja ta’ ferħ, ta’ tifħir lil Alla, u mixja li twassalna tassew fis-sema pajjiżna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju -
-
-