L-Isqof Joseph Galea Curmi u Rev. Dr Nicholas Joseph Doublet bħala l-Arkivista Djoċesan tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, irċevew mingħand is-Sur Joseph Zammit, b’ donazzjoni, kollezzjoni ta’ kitbiet oriġinali u diversi materjal ieħor ta’ Dun Alfred Gatt, saċerdot mill-Belt Valletta, miet b’ fama ta’ qdusija, u huwa magħruf għad-devozjoni kbira li kellu lejn il-wiċċ ta’ Kristu, devozzjoni li għada ħajja sal-ġurnata tal-lum. Dun Alfred Gatt twieled fit-12 ta’ Jannar 1873 u miet fis-26 ta’ Marzu 1937.

Il-kollezzjoni msemmija ser tinżamm fl-Arkivju Djoċesan fil-Flurjana. Fost affarijiet oħra, is-Sur Zammit, membru tal-familja dixxendenti tal-imsemmi saċerdot, irregala ukoll kalċi lill-Arċidjoċesi ta’ Malta. L-oġġetti personali ta’ Dun Alfred sa ftit żmien ilu kienu miżmuma fil-Knisja ta’ San Nikola ta’ Bari li hija magħrufa ukoll bħala tal-Erwieħ, fil-Belt Valletta, fejn qeda l-appostolat tiegħu bħala konfessur. Dawn issa ġew ukoll trasferiti fil-Kurja.

Min jaqla’ xi grazzji bl-interċessjoni ta’ Dun Alfred huwa mitlub jinforma l-awtoritajiet ekkleżjastiċi.