L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ordna b’kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq”. Dan hu dak li qalu l-ħbieb taċ-ċenturjun meta ġew ħdejn Ġesù, hu u riesaq lejn id-dar taċ-ċenturjun. Dan kien diġà bagħat qabel lil xi wħud mix-xjuħ tal-Lhud li għamlu talba ħerqana lil Ġesù biex ifejjaq lil dan il-qaddej, li kien għażiż ħafna għaċ-ċenturjun. Tolqtok kif dawn il-Lhud kellhom stima lejn dan iċ-ċenturjun li ma kienx wieħed mill-poplu Lhudi imma, fi kliemhom stess, kien benefattur tagħhom – fil-fatt bnielhom is-sinagoga – u kienu jirrispettawh ħafna.
Ġesù beda miexi lejn id-dar taċ-ċenturjun biex ifejjaq lil dan il-qaddej. Kif nafu, għal Ġesù m’hemmx distinzjoni ta’ bniedem jew ieħor biex ifejjaq; lil kulħadd ifejjaq, ma’ kulħadd jagħmel il-ġid. U ried li jfejjaq ukoll lill-qaddej taċ-ċenturjun. Imma ċ-ċenturjun bagħat lil dawn il-ħbieb tiegħu biex jgħidu lil Ġesù: “Toqgħodx tinqala’”, imma għid kelma, “Ordna b’kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq”. Iċ-ċenturjun kien bniedem ta’ rispett, bniedem mhux imkabbar, imma speċjalment tolqotna l-fidi tiegħu.
Dik hi l-fidi: il-fiduċja fil-kelma ta’ Alla anke meta ma narawx, u qabel ma naraw; li nemmnu li l-kelma ta’ Alla sseħħ, u l-kelma ta’ Alla tagħmel il-ġid
Fil-fatt, l-Evanġelju jgħid li Ġesù “baqa’ mistagħġeb bih”, baqa’ mistagħġeb bil-fidi tiegħu. Tolqtok din għax ftit qabel, fl-istess Evanġelju skont San Luqa, f’kapitlu 4, hemm il-ġrajja ta’ meta Ġesù mar Nazaret, qalb il-poplu tiegħu, u hemmhekk baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom (Lq 4:14). Mela ċ-ċenturjun, li ma kienx wieħed mill-poplu Lhudi, Ġesù baqa’ mistagħġeb bil-fidi tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-mexxejja reliġjużi, li ma emmnux fih, Ġesù baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom. Ma nafx iċ-ċenturjun kienx midħla tal-Iskrittura, imma dak li qal hu eżatt dak li hemm f’Salm 107, dak is-Salm li jibda “Roddu ħajr lill-Mulej għax hu tajjeb”, u f’vers 20 jgħid: “Bagħat il-kelma tiegħu u fejjaqhom” – kif talab lil Ġesù jagħmel għall-qaddej tiegħu.
Din hi ġrajja sabiħa, u ġrajja li bqajna nfakkruha kull darba li niċċelebraw l-Ewkaristija, għax nirrepetu l-istess kliem li qal iċ-ċenturjun. Meta l-qassis jgħid: “Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja, henjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tal-Ħaruf”, aħna ngħidu: “Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa”. Adattajna l-kliem li qal għalina, kull wieħed u waħda minna, kull darba li niċċelebraw l-Ewkaristija.
Li nitgħallmu minn din il-ġrajja hi kemm tagħmel ġid il-fidi lil ħajjitna, u kemm hemm bżonn li l-Mulej isaħħaħ fina l-fidi. Dan iċ-ċenturjun kien sema’ b’Ġesù, hawn bagħat in-nies tiegħu, imma li tara ċar fil-kliem tiegħu hu li kellu fidi fil-kelma ta’ Ġesù. Ma kellux lanqas għalfejn jiġi Ġesù hemmhekk u jkun ħdejn il-qaddej tiegħu, imma jgħid kelma u dan ifiq. Ara x’fidi, fidi qawwija! Dik hi l-fidi: il-fiduċja fil-kelma ta’ Alla anke meta ma narawx, u qabel ma naraw; li nemmnu li l-kelma ta’ Alla sseħħ, u l-kelma ta’ Alla tagħmel il-ġid, kif fil-fatt sar għax dan il-qaddej fieq. Dan iċ-ċenturjun għex minn qabel il-kliem li Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu, meta qalilhom: “Henjin dawk li ma rawx u emmnu”.
Nitolbu lill-Mulej illum li jgħinna nkunu bħaċ-ċenturjun, anke nagħmlu dik it-talba tiegħu “għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa”. Nitolbuh biex ifejjaqna bil-kelma tiegħu u biex isaħħaħ fina l-fidi.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju