L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ordna li dawn iż-żewġ uliedi joqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fis-Saltna tiegħek” (Mt 20:21). Dan hu li talbet omm Ġakbu – li tiegħu qegħdin nagħmlu l-festa llum – u Ġwanni, dawn iż-żewġ aħwa. Talbet lil Ġesù biex iqegħidhom fl-aħjar postijiet: wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug fis-Saltna tiegħu. Naraw kemm hu realistiku l-Evanġelju! Din l-omm riedet, għaż-żewġ uliedha, l-aħjar postijiet. Lanqas għaliha – fil-fatt ma ssemmix li tixtieq hi post viċin – imma għaż-żewġ uliedha.
Minn jaf x’immaġinat b’din is-Saltna ta’ Ġesù, li meta jkun fis-Saltna tiegħu, ikollu fuq il-lemin u fuq ix-xellug lil dawn it-tnejn! Għalhekk Ġesù, l-ewwel ħaġa li jgħid lilha u lilhom, għax uliedha kienu magħha: Ma tafux x’intom titolbu” (Mt 20:22). Hekk jgħidilhom Ġesù, għax filwaqt li hi ġiet hemmhekk bil-ħsieb ta’ ġieħ u glorja għal dawn iż-żewġ uliedha, Ġesù mill-ewwel jitkellem fuq it-tbatija. Fil-fatt jgħidilhom: “Għandkom il-ħila tixorbuh il-kalċi li se jkolli nixrob jien?” Jiġifieri tgħaddu mit-tbatija. Huma jweġbuh mal-ewwel: “Għandna”. Ma fehmux x’qed jgħidu hawn, għalkemm veru li kienu se jaslu għat-tbatija huma wkoll, speċjalment Ġakbu, li kien l-ewwel martri fost l-appostli.
Imma mbagħad meta huma jistaqsu biex joqogħdu naħa u oħra, Ġesù jgħidilhom ħaġa oħra: “li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhijiex xi ħaġa li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom hi mħejjija minn Missieri” (Mt 20:23). Nixtieqkom tinnutaw ftit anke l-ironija ta’ din is-silta. Għaliex l-omm talbet li meta Ġesù jkun fis-Saltna, ikollu fuq il-lemin u fuq ix-xellug liż-żewġ uliedha, Ġakbu u Ġwanni. Imma Ġesù, fejn kien u kien hemm miktub “dan hu s-sultan tal-Lhud”? Fuq is-salib. U aħna nafu li jekk irridu nifhmu s-Saltna tiegħu, irridu mmorru għand Ġesù msallab. U min kellu Ġesù, meta kien fuq is-salib, fuq il-lemin u fuq ix-xellug? Żewġ ħallelin. Għalhekk Ġesù qalilhom: “ma tafux x’intom titolbu”.
Hu ikrah jekk aħna fil-komunità Nisranija nfittxu li naħkmu, li nkunu fuq l-oħrajn u l-oħrajn taħtna, jew li b’xi mod inkunu aħjar mill-oħrajn f’dan is-sens ta’ ġieħ u glorja
Din is-silta hi realistika wkoll mhux biss għal dawn it-tnejn flimkien ma’ ommhom, imma wkoll għall-għaxra l-oħra. L-Evanġelju jgħid mhux li ħaduha bi kbira għax dawn it-tnejn marru jistaqsu lil Ġesù l-aħjar post meta Ġesu kemm-il darba qalilhom li ma għandhomx ifittxu il-ġieħ u l-glorja għalihom infushom; imma jgħid: “inkorlaw għaż-żewġt aħwa” (Mt 20:24), għax dawn it-tnejn kienu se jaqbżuhom. Għalhekk Ġesù kellu jerġa’ jispjega, kif għamel kemm-il darba, li jekk iridu jkunu dixxipli tiegħu, għandhom jagħmlu l-istess għażla tiegħu. Mhux li jfittxu lilhom infushom, jew li jfittxu li jkunu huma li jaħkmu, bħal diversi mill-kapijiet li għandhom is-setgħa, li jfittxu li jaħkmu lill-oħrajn, li jkollhom l-aħjar post, li jkunu kuntenti li għandhom in-nies taħthom. “Fostkom ma għandux ikun hekk” (Mt 20:26), jgħid Ġesù. Għaliex hu “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mt 20:28). Din urihielhom imbagħad b’mod speċjali b’dak il-ġest qawwi fl-Aħħar Ċena, fejn niżel jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu, wieħed wieħed, u qalilhom li kif għamel hu, hekk għandhom jagħmlu huma wkoll (ara Ġw 13:15).
San Ġakbu tgħallimha din il-lezzjoni. Għax imbagħad sar wieħed mill-appostli li b’ħeġġa jħabbru lil Ġesù, u fil-fatt ħa l-martirju għalih. Lilna llum iħeġġiġna biex nieħdu din il-lezzjoni ta’ Ġesù, u biex dejjem naħdmu ħalli jkollna dan l-ispirtu tiegħu, għax dan jiddistingwina tassew bħala Nsara. Hu ikrah jekk aħna fil-komunità Nisranija nfittxu li naħkmu, li nkunu fuq l-oħrajn u l-oħrajn taħtna, jew li b’xi mod inkunu aħjar mill-oħrajn f’dan is-sens ta’ ġieħ u glorja. Fil-fatt, hemm kelmiet li jistonaw u li kultant narawhom – pereżempju, “superjorità”, “dominanza”, “preċedenza” – narawhom anke f’xi festi tagħna. Dawn jistonaw, u kultant huma redikoli wkoll, meta tiftakar li jaqilbu rasu ’l isfel it-tagħlim ta’ Ġesù.
Nitolbu lill-Mulej illum, bl-interċessjoni ta’ San Ġakbu, biex aħna jkollna dejjem dan l-ispirtu tiegħu; biex infittxu li ngħixu dan l-ispirtu tiegħu u mhux naqilbu t-tagħlim tiegħu rasu ’l isfel. Nitolbuh biex bħalu nfittxu mhux li nkunu moqdija imma li naqdu, u li nagħmlu dan b’servizz għall-kotra.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju