• ***

    Direttur:          Gary Ross

    Atturi:              Sandra Bullock, Cate Blanchett, Anne Hathaway, Mindy Kaling, Sarah Paulson, Awkwafina Rihanna u Helena Bonham Carter

    Ħin tal-Film:    110 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       15

    Debbie Ocean, l-oħt iż-żgħira ta’ Danny Ocean, frodista magħruf, illum mejjet, meta toħroġ mill-ħabs fuq parole wara ħames snin u tmien xhur, tikkuntattja lil Lou, seħbitha fil-kriminalità u tikkonvinċiha biex tissieħeb magħha f’serqa li hi kienet ippjanat waqt li kienet fil-ħabs. Debbie jirnexxila wkoll tiġbor flimkien il-kumplament tat-tim: Rose Weil, disinjatur tal-ħwejjeġ u tinsab midjuna bil-kbir; Anita, ġojjeliera u ħabiba ta’ Debbie, ħerqana li tibda tgħix ħajja independenti; Nine Ball, esperta fil-komputer u kapaċi tidħol f’kull sistema kompjuterizzata ta’ ħaddieħor mingħajr awtorizzazzjoni;  Constance, ħalliela gwaba tal-bwiet; u Tammy, ħabiba oħra ta’ Debbie, miżżewwġa iżda li tbiegħ oġġetti misruqa mid-dar.

    Il-pjan ta’ Debbie kien li tisraq  it-Toussant, ġiżirana Cartier li kienet tiswa $150 miljun. Dan kellha tagħmlu waqt il-Met Gala li kienet sejra ssir fi ftit ġimgħat oħra, bi ħsieb li tuża l-attriċi Daphne Kluger, persuna sabiħa iżda mhux daqshekk intelliġenti. Debbie tipperswadi lil Daphne biex tuża s-servizzi  ta’ Weil bħala stilista. Weil u Anita jikkonvinċu l-kumpanija Cartier biex iħallu lil Daphne tilbes il-ġiżirana dakinnhar tal-Met Gala. Debbie sadanittant tfittex u ssib lil Claude Becker, negozjant tal-arti li ftit snin qabel, kien ittradixxa lil Debbie u spiċċat arrestata u teħel il-ħabs.

    Debbie wara li theddu, tirranġalu li jiltaqa’ ma’ Daphne li meta tiltaqa’ miegħu, taqa’ għalih u tistiednu biex jakkumpanjaha waqt il-Met Gala. Weil tintebaħ li l-ġiżirana kienet tinfetaħ biss bl-użu ta’ kalamita speċjali. Veronica, oħt Nine Ball tivvinta kalamita speċjali u hekk solviet il-problema. Kollox kien imħejji u t-tim kollu f’postu, jafu x’għandhom jagħmlu: Tammy, membru fuq l-istaff tal-Vogue, Debbie, bħala ‘socialite’ Ġermaniża, Nine Ball, tħares is-sigurtà tal-ikel li joħrog fuq it-troli tal-ikel, Weil, bħala l-istilista ta’ Daphne u Lou, Anita u Constance jagħmlu parti mill-istaff li jservu l-ikel. X’jiġri meta Daphne tikkonsma s-soppa li Lou kienet tefgħet xi ħaġa fiha? Tgħid jirnexxi l-pjan tas-serqa?  X‘kien il-għan ta’ Debbie biex tippjana din is-serqa barra l-fatt li dawk li kienu fit-tim kienet sejra tagħmilhom sinjuri kbar?

    Film Amerikan, kummiedja taħt id-direzzjoni ta’ Gary Ross u kitba ta’ Rose u Olivia Milch. Minħabba tema ta’ vendetta, użu ta’ droga, kliem goff kif ukoll pjan amorali ta’ serqa kbira ppjanata bid-dettal, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.