L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Nisel ħażin u infidil”. Dan hu l-kliem iebes li jgħid Ġesù lill-kittieba u lill-Fariżej, li riedu mingħandu sinjal. Qalulu: “Mgħallem, xtaqna kieku naraw sinjal mingħandek”. Imma Ġesù kellu din ir-reazzjoni qawwija u iebsa li jsejħilhom “nisel ħażin u infidil”, u jgħidilhom li se jkollhom kundanna kbira.

Għaliex din ir-reazzjoni ta’ Ġesù? Hawnhekk Ġesù qed isejħilhom hekk, u fil-fatt aktar qabel kien ukoll sejħilhom bi kliem ieħor, bħal “nisel il-lifgħat”. Għaliex Ġesù qisu negattiv? X’inhi r-raġuni ta’ din li tidher negattività li qed narawha hawnhekk? Ir-raġuni għal dan il-kliem iebes ta’ Ġesù hi li Ġesù jara l-qalb. Hu seta’ jara l-qalb tagħhom. Dak li xtaqu ma kinitx xewqa sinċiera. Tant hu hekk li Ġesù kien għamel sinjal fuq ieħor, u huma raw sinjal wara sinjal u baqgħu qalbhom magħluqa għalih. Fil-fatt, ftit qabel, f’dan l-istess kapitlu, hemm ir-rakkont ta’ meta Ġesù keċċa xitan – miraklu – u dawn l-istess nies l-kittieba u l-Fariżej, meta raw il-miraklu u għarfu li kienet ġrat xi ħaġa speċjali, x’qalu? Flok faħħru lil Alla u qalu kemm hu kbir Alla, qalu: dan li qed jagħmel bis-saħħa tax-xitan, “bis-saħħa… tal-prinċep tax-xjaten li qed ikeċċi x-xjaten”. Jiġifieri għax raw xi ħaġa kbira, għax raw sinjal, qalu li dak li kien qed jagħmel għamlu bis-saħħa tax-xitan, jiġifieri l-għeruq tiegħu fil-ħażen.

Għalhekk Ġesù, quddiemu kien qed jara nies ta’ ras iebsa u ta’ qalbhom iebsa. Jaraw kemm jaraw għalxejn, jisimgħu kemm jisimgħu għalxejn. Għalhekk, mhux Ġesù li kien negattiv fi kliemu. Ġesù kien qed jgħid il-verità. Imma huma li minħabba l-qalb u r-ras iebsa tagħhom kienu negattivi li ma jistgħux jaraw is-sewwa u jaċċettaw dak li hu sewwa.

Lilna jiġbidlna l-attenzjoni biex ikollna qalbna u moħħna miftuħa għalih, mhux nimblukkawh. B’hekk ikun jista’ jiġi f’ħajjitna u hemm naraw kemm tassew jagħmel il-ġid meta naċċettawh f’ħajjitna.

Fil-fatt, Ġesù jsemmi l-ikbar sinjal – li kellu jseħħ aktar ’il quddiem – is-sinjal tiegħu meta jirxoxta mill-mewt. Għalhekk isemmi l-istorja ta’ Ġona li kienu jafuha, u jgħid: kif Ġona dam tlett ijiem u tlett iljieli f’żaqq il-ħuta, hekk se jagħmel bin il-bniedem fil-qalba tal-art. U kif Ġona nbeżaq ’il barra mbagħad minn żaqq il-ħuta, hekk hu għad joħroġ rebbieħ fuq il-mewt meta jirxoxta u jqum għall-ħajja. Dan kien is-sinjal speċjali li kien se jagħmel aktar ’il quddiem. Imma nnutaw, fl-Atti tal-Appostli naqraw li dawn l-istess nies, il-kittieba u l-Fariżej, lanqas dak is-sinjal ma aċċettaw. U meta Ġesù qam mill-mewt, x’għamlu? Ippersegwitaw lid-dixxipli tiegħu li kienu qed iħabbru l-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt. Proprju kif qal Ġesu – ma riedu jafu b’xejn.

X’messaġġ qed jagħtina llum il-Mulej? Qed jurina li min jagħlaq qalbu għalih, lanqas jekk il-Mulej jagħmillu l-ilma jiżfen, ma jikkonvinċih. Anzi jibda jgħid li dak l-ilma qed jagħmlu jiżfen ix-xitan, jew xi raġuni oħra. Għalhekk lilna jiġbidlna l-attenzjoni biex aħna jkollna qalbna u moħħna miftuħa għalih, mhux nimblukkawh. B’hekk ikun jista’ jiġi f’ħajjitna u hemm naraw kemm tassew jagħmel il-ġid meta naċċettawh f’ħajjitna.

Nitolbu lill-Mulej illum li aħna dejjem ikollna qalbna miftuħa għalih, moħħna miftuħ għalih, u naċċettawh fil-ħajja tagħna, ħalli mbagħad hu jgħinna nagħrfu s-sinjali tiegħu f’ħajjitna u fl-Istorja. U nitolbuh bit-talba li ngħidu lill-Ispirtu s-Santu “rattab fina l-ebusija”. Tħallix, Mulej, li aħna jkollna qalbna u moħħna magħluqa għalik, imma għinna biex inkunu tassew lesti li nilqgħuk, għax int f’ħajjitna tagħmel biss ġid.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju