Id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt jgħannaq wieħed mill-gradwati
Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-ewwel nett huwa pjaċir kbir tiegħi li ngħidilkom grazzi, grazzi ta’ din l-esperjenza sabiħa li tagħtina tama kbira. Nixtieq nagħtu applaws kbir lir-residenti kollha ta’ Caritas Malta, irġiel u nisa, inkluż ukoll l-adolexxenti f’Tal-Ibwar. Illum qegħdin hawnhekk biex nagħmlulkom kuraġġ.

L-ewwelnett nifirħu ma’ dawk li se jiggradwaw illum. Nifirħu wkoll ma’ dawk li qegħdin jitħabtu ma’ dak li lbieraħ il-Papa Ljun XIV sejjaħlu “il-ħabs inviżibbli” li hija d-dipendenza fuq id-droga. Imma l-Papa Ljun tkellem ukoll dwar it-tama, it-tama tal-fejqan u tal-ħelsien tassew, u dan isir billi naħdmu flimkien u nsarrfu l-kelma sabiħa ‘inħobbok’ li naqqax fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna Mons. Victor Grech b’mod speċjali lejn l-aħħar ta’ ħajtu meta kien jgħid ‘inħobbok’ lil kulħadd.

Irridu nkunu aħna, li b’mod konkret insarrfu l-kelma ‘nħobbok f’realtà. Ejjew naħdmu biex ilkoll, kulħadd skont ir-responsabbiltà u r-rwol tiegħu, inkunu tassew mħabba għal xulxin.

Nixtieq nirringrazzja ħafna lilek Anthony, bħala d-Direttur tal-Caritas, u lil sħabek kollha. Ningħaqad mar-ringrazzjamenti tiegħek anke lill-awtoritajiet, anke nixtieq nirrikonoxxi l-kontribut siewi tal-istat Malti li huwa ta’ appoġġ kontinwu għal dawn l-inizjattivi.

Is-siġġu vojt iddedikat lil Mons. Victor Grech li f’dawn l-aħħar 30 sena dejjem kien preżenti fil-ħajja tal-persuni li talbu l-għajnuna ta’ Caritas Malta
Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Iżda fid-diskors tiegħu, Anthony semma wkoll affarijiet li qed jinkwetawna. Jinkwetawna għaliex nixtiequ tassew il-ġid lil poplu tagħna, liż-żgħażagħ tagħna, li huma s-sinsla ta’ pajjiżna.

Anthony, inti għamilt kumment li laqatni ħafna. Semmejt kemm huma bravi dawn in-nies li jbiegħu pakketti ta’ sustanza qerrieda iżda qed jgħidu xi ħaġa li hija tassew vera meta fuq il-pakkett jiktbu: ‘Not for human consumption’. Ejjew nieħdu bis-serjetà l-kelma ta’ dawn in-nies bravi li jixtiequ jisolħuna. ‘Not for human consumption’, mela mhux għalija u mhux għalik. Tixtrihiex, teħodhiex!

Imma jekk hemm xi ħaġa li hi għalina, hija l-imħabba ta’ bejnietna, il-kapaċità li nħarsu lejn xulxin u nirrispettaw lil xulxin u nagħmlu kuraġġ lil dak li jkun. Li anke jekk fit-triq jogħtor, darba, darbtejn, jew iżjed, ma jaqta’ qalbu qatt!

Illum, fit-talb tal-Knisja, qedgħin nagħmlu l-Festa tal-Qalb ta’ Ġesù, dik il-qalb ta’ ħniena kbira. Ġesù jgħidilna biex nitgħallmu minnu għaliex hu “ta’ qalb ħelwa u umli”. Il-ħlewwa u l-umiltà ta’ Ġesù jgħallmuna kif għandna nittrattaw lil xulxin.

L-Arċisqof Charles Scicluna jindirizza lill-mistiedna waqt iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni ta’ Caritas Malta
Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Il-qalb ta’ Ġesù hija l-personalità tiegħu, il-jien tiegħu. U l-qalb ta’ kull wieħed minna hija propju l-personalità tagħna.

Mela ejjew nikbru b’qalb tad-deheb—qalb li tinkiser quddiem it-tbatija ta’ ħaddieħor, iżda li tinqasam bil-ferħ meta tara lil ħutna jiġu meħlusa mill-ħabs tad-dipendenza.

Nixtieq nagħlaq dan id-diskors bl-istess mod kif bdejtu, billi ngħidilkom grazzi mill-qalb u nawgura lill-gradwati l-ġodda li jkollhom kwalità ta’ ħajja tassew sabiħa, ferħana u mimlija b’qalb tad-deheb.

Grazzi, kunu mberkin!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta