• Il-Knisja f’Malta qed tippublika proċeduri ġodda għall-ħarsien tat-tfal u l-adulti vulnerabbli, li jinkludu l-proċedura għall-każijiet ta’ abbuż sesswali f’attivitajiet pastorali. L-enfasi tal-proċeduri hi fuq l-edukazzjoni u l-prevenzjoni biex l-abbużi ma jsirux, u jekk isiru jiġu nvestigati fl-iqsar żmien possibbli, skont il-liġi tal-Pajjiż u skont il-liġi tal-Knisja. Ir-reviżjoni tal-proċeduri saret fuq talba tal-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, u tas-Superjuri Reliġjużi.

    Il-proċeduri l-ġodda jsaħħu l-impenn tal-Knisja li toffri għajnuna psikoloġika u spiritwali lill-vittmi ta’ abbuż sesswali, kemm minuri kif ukoll adulti vulnerabbli. 

    B’riżultat ta’ din ir-reviżjoni qed titwaqqaf Kummissjoni għall-Ħarsien mill-Abbuż Sesswali (Safeguarding Commission) ffurmata minn professjonisti kompetenti li fost affarjiet oħra jkollha d-dover tesprimi valutazzjoni dwar ir-riskju f’kull każ. L-istruttura l-ġdida tipprovdi biex, fl-iqsar żmien possibbli, nvestigatur jiġbor l-informazzjoni kollha relatata ma’ allegat każ ta’ abbuż. Filwaqt li jistabilixxi l-fatti, l-investigatur jiddetermina teżistix probabilità ta’ abbuż sesswali minn membri tal-kleru, reliġjużi, membri ta’ għaqdiet jew lajċi mpenjati fil-Knisja.

    Id-Delegat li se jmexxi l-Kummissjoni se jkollu r-responsabbiltà li jgħin l-istituzzjonijiet ta’ formazzjoni (bħal skejjel u ċentri ta’ katekeżi) u l-istituzzjonijiet pastorali (bħal parroċċi u għaqdiet) biex itejbu u jsaħħu l-inizjattivi għall-ħarsien tal-minuri u tal-adulti vulnerabbli.

    L-awtoritajiet tal-Knisja qed jimpenjaw ruħhom biex it-tim il-ġdid jitħabbar fl-aħħar ta’ Jannar 2015. Il-proċeduri l-ġodda jistgħu jitniżżlu minn hawn: knisja.org/safeguarding 

    Fil-Messaġġ Pastorali għall-Avvent, li ser jinqara’ fil-knejjes kollha f’Malta bejn illum u għada, l-Isqof Charles J. Scicluna, Amministratur Appostoliku, talab il-koperazzjoni tan-nies biex fejn hemm l-abbuż, mhux biss jiġi rrapurtat u mwaqqaf, imma anke fejn hemm sitwazzjonijiet ta’ periklu, wieħed jitkellem dwarhom mill-ewwel biex jinstab rimedju.