L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ħatar lill-Patri Arthur Cutajar OFM Conv bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Marija Addolorata, San Pawl il-Baħar.

Patri Arthur twieled Ħaż-Żebbuġ fit-3 ta’ Diċembru 1972. Hu rċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola Stella Maris, Ħal Balzan, fl-iskola Savio College, Ħad-Dingli, u fil-Junior College (6th Form). Huwa kompla l-istudji terzjarji (Filosofija u Teoloġija), fl-Istituto Teologico ta’ Assisi, u kiseb il-liċenzjat fl-ispiritwalità mill-Pontificium Athenaeum Antonianum f’Ruma.

Patri Arthur għamel il-professjoni reliġjuża mal-komunità tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali fid-19 ta’ Settembru 1993 u ġie ordnat saċerdot fit-2 ta’ Lulju 1999. Bejn l-1999 u l-2011 inħatar rettur fis-seminarju ta’ Birkirkara, u bejn l-2012 u l-2013 serva bħala viċi-kappillan fil-parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar.

Il-parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar tiġbor fiha madwar 5,000 persuna f’ 2,100 familja.