Membri ġodda tal-Kummissjoni Djoċesana Tfal (KDT) iltaqgħu għall-ewwel darba mal-Arċisqof Charles Jude Scicluna nhar it-Tlieta 2 ta’ Awwissu, 2022. Din il-laqgħa seħħet fil-Kunvent tas-Sorijiet Agostinjani, Ħal Qormi.
Normalment il-KDT tiltaqa’ tliet darbiet fis-sena mal-Arċisqof biex flimkien jiddiskutu diversi temi spiritwali jew soċjali li jolqtu lit-tfal. Madankollu l-attività tal-bieraħ saret b’mod differenti minħabba li sar tibdil konsiderevoli fil-membri u minflok saret b’tali mod li l-Arċisqof isir jaf aħjar lit-tfal u huma lilu. Fil-fatt, wara li l-membri kollha preżenti introduċew lilhom infushom, it-tfal u l-Arċisqof lagħbu logħba flimkien.
L-assemblea ntemmet b’talba mat-tfal fejn l-Arċisqof, bħalma jagħmel dejjem, talabhom iwasslu l-barka tiegħu lill-familji tagħhom.
Il-Kummissjoni Djoċesana Tfal hi magħmula minn 24 tifel u tifla minn parroċċi differenti, u mmexxija mid-delegata tal-Arċisqof għat-tfal Sr Anna Sammut, li flimkien ma’ soru oħra u żewġ lajċi, jieħdu ħsieb it-tmexxija u l-formazzjoni ta’ dawn il-membri. L-età tagħhom tvarja bejn is-7 u t-12-il sena, u l-iskop ewlieni hu li jkunu ħolqa u leħen bejn it-tmexxija tal-Knisja u t-tfal f’Malta.