Proġett li ħa diversi snin ta’ ppjanar u xhur ta’ ħidma wassal biex il-Parroċċa ta’ Kristu Rxoxt f’Pembroke issa qed tgawdi minn dehra ġdida bħala parti minn proġett li għandu ħsieb profond li jgħaqqad ir-rakkonti u s-simboliżmi Bibbliċi mal-ħajja ta’ kuljum.

Fil-qofol tal-proġett hemm it-Tabernaklu, li jinsab fiċ-ċentru tal-Knisja. Mal-bibien tat-tabernaklu se jiġu skolpiti għamla ta’ taraġ tal-bronż li jissimbolizza r-rakkont ta’ Natanjel, fejn Kristu qallu: “Għad tara ħwejjeġ ikbar minn dawn, għad tara s-sema miftuħ, u l-anġli ta’ Alla telgħin u neżlin fuq Bin il-Bniedem.”

It-Tabernaklu jinsab f’ċirku tal-irħam ta’ lewn kaħlani, li jissimbolizza l-univers, u jagħti sens tal-infinit u ta’ misteru, bħalma l-bniedem ma jistax jifhem il-misteru tal-Ewkaristija.

Iċ-ċirku jinsab f’kaxxa tal-irħam abjad assolut, li jirrappreżenta l-qabar miftuħ li fih tpoġġa il-ġisem ta’ Kristu wara l-passjoni u l-mewt fuq is-salib. Il-kaxxa ma tingħaqadx fin-naħa ta’ fuq, għax tissimbolizza r-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt, iżda wkoll li l-loġika u l-ħsieb tal-bniedem, li ma jistax jesa’ u jifhem il-loġika u l-ħsieb ta’ Alla, li hu ferm ikbar minn kull ħsieb, filosofija jew ideoliġiji tal-bniedem.

Il-parti tal-presbiterju il-ġdida hija magħmula minn irħam ta’ lewn kannella, li jfakkar fl-40 sena li l-poplu Lhudi għamel biex wasal fl-art imwiegħda, kif ukoll l-40 jum li Kristu nnifsu għamel fid-deżert qabel beda l-ħajja pubblika tiegħu. Fin-nofs tal-presbiterju wieħed isib ukoll linja tal-bronż li tibqa’ tiela’ sas-saqaf u li tifforma salib. Dan jissimbolizza l-mixja u l-pellegrinaġġ li l-bniedem irid jagħmel bis-salib fuq spalltu. Fil-mumenti ta’ dieqa u ta’ solitudni wieħed għandu jħares lejn Kristu msallab.

Maż-żewġ naħat tal-artal insibu disinn li jirrappreżenta l-faxex u l-maktur mitwi li sabu d-dixxipli fil-qabar miftuħ. Dawn il-faxex jirrappreżentaw ir-rabtiet li xi drabi jkollna f’din il-ħajja, kemm rabtiet tajbin kif ukoll inqas tajbin. Il-pannelli li joħolqu dan d-disinn jirrappreżentaw it-tajjeb, waqt li l-vojt jirrappreżenta dak li hu negattiv.1 minn 6 

F’kummenti lil Newsbook.com.mt, Fr Reuben Micallef, irringrazzja lit-tim li ħadem biex dan il-proġett ġie kważi konkluż ftit qabel beda l-ħidma tiegħu fost il-komunità ta’ Birżebbuġa.

Huwa kkwota lil Keith Galea, li għen fid-disinn ta’ dan il-proġett, fejn jgħid li l-iskop tal-proġett mhuwiex biss li tingħata dehra isbaħ lill-Knisja, imma wkoll li toħloq kunċett ta’ permanenza, identità, funzjonalità, kif ukoll simboliżmu marbut ma’ Kristu Rxoxt, li għaliH hi dedikata l-parroċċa ta’ Pembroke.

Sors: Newsbook.com.mt