L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Bħal-lum 95 sena ilu twieled il-Papa Emeritu Benedittu XVI. Dakinhar kien ukoll Sibt il-Għid. Imwieled f’Sibt il-Għid, il-Papa Benedittu XVI hu wieħed minn dawk li jfisser b’mod hekk sabiħ il-ġrajja tal-Qawmien ta’ Kristu, l-ikbar ġrajja għalina. Nixtieq li nieħu żewġ espressjonijiet li hu jgħid, li fihom tifsira kbira ħafna u li lilna jistgħu jkunu wkoll ta’ għajnuna għall-ħajja tagħna. Isejjaħ il-ġrajja tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu “splużjoni ta’ dawl” u “splużjoni ta’ mħabba”.
L-ikbar ġrajja
Ħa naraw ftit għaliex, qabel xejn, hi ġrajja daqshekk kbira, hi l-ikbar ġrajja tal-umanità. Meta lil Ġesù sallbuh u meta miet fuq is-salib, dawk li kienu madwaru hemmhekk, anke l-aktar nies qrib tiegħu taħt is-salib, kienu jħarsu lejh u jaraw kollox qed jispiċċa. Dawk li emmnu fih, għalihom kienet tama li ntfiet fix-xejn; u dawk li ħadmu ħafna biex jeqirduh kienet għalihom ir-rebħa kbira, li Ġesù spiċċa fix-xejn. Għalhekk, meta difnuh, għalihom kienu difnu kollox – dak kollu li għamel, dak kollu li għallem midfun miegħu.
Għalhekk, meta Ġesù Kristu qam mill-mewt, din kienet l-akbar rebħa, li qatt ma immaġinaw dawk li kienu kontrih, u qatt ma setgħu jifhmu dawk li kienu viċin tiegħu – kif Ġesù kellu jqum għal ħajja ġdida u jirbaħ il-mewt. Aħna nafu kemm dawk qrib tiegħu kienu nies li jibżgħu, u nafu għalhekk il-bidla li seħħet fihom permezz tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu u l-ispirtu li tahom, biex huma nbidlu minn lejl għal nhar u saru huma li jħabbru l-qawmien ta’ Kristu.
Xi jfisser għalhekk il-qawmien? Ifisser li Kristu hu ħaj. Ifisser li dak kollu li qal fuqu nnifsu – meta qal ħafna affarijiet fuqu nnifsu – huma veri, mhuwiex stħajjil ta’ xi ħadd li qed jimmaġina li hu xi ħaġa kbira. Ifisser li dak kollu li għallem hu veru. Ifisser għalhekk ir-rebħa ta’ dak li Ġesù hu għalina lkoll u għall-umanità.
Splużjoni ta’ dawl
Għaliex il-Papa Benedittu jsejjaħ il-qawmien ta’ Kristu “splużjoni ta’ dawl”? Hu jorbotha mal-fatt li l-qawmien ta’ Ġesù Kristu jfisser ħolqien ġdid. Jekk immorru lura għall-ewwel qari ta’ din il-Vġili, mill-Ktieb tal-Ġenesi, fl-ewwel versi hemm li fl-ewwel jum tal-ħolqien Alla qal “ikun id-dawl”. Alla ħalaq id-dawl biex aħna nistgħu ngħixu, biex nistgħu nagħrfu lil xulxin, biex jista’ jkollna relazzjoni tajba ma’ xulxin. Biex nistgħu ngawdu l-ħolqien kollu, Alla ħalaq id-dawl.
Hu għalhekk li l-Mulej jissejjaħ “id-dawl u s-salvazzjoni”. U Ġesù qal fuqu nnifsu: “Jien id-dawl tad-dinja. Min jimxi warajja ma jimxix fid-dlam iżda jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8:12).
Għalhekk il-festa tal-lum hi l-festa ta’ dan id-dawl li hu Ġesù Kristu, id-dawl tal-ħolqien ġdid. F’din il-Vġili, naraw dan speċjalment fil-blandun, li xegħelna fil-bidu, u li ġibna hawnhekk u għedna: “Id-dawl ta’ Kristu”. Aħna xegħelna x-xemgħat minn dan il-blandun biex nieħdu sehem minn dan id-dawl. Hekk ifisser Ġesù Kristu li qam mill-mewt. Hu d-dawl tal-umanità, hu d-dawl tad-dinja. Bil-preżenza tiegħu, bil-kelma tiegħu, hu d-dawl għalina fil-ħajja tagħna.
Għalhekk il-festa tal-lum hi, kif isejħilha Papa Benedittu XVI, “splużjoni ta’ dawl” għax turina proprju dan id-dawl li nxtegħel biex qatt ma jintefa, dan id-dawl li juri t-triq lilna qalb id-dlamijiet. Nafu kemm dlamijiet kultant ikollna fil-ħajja tagħna, nafu kemm dlamijiet qed ngħixu bħalissa fl-istorja. Kristu Rxoxt hu d-dawl li lilna jurina t-triq. Nafu li meta nimxu mal-kelma tiegħu, hi l-kelma rebbieħa, il-kelma li turina d-dawl.
Splużjoni ta’ mħabba
Isejħilha wkoll “splużjoni ta’ mħabba”. Dan għax fil-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù rajna l-konċentrazzjoni tal-mibegħda minn tant nies li wasslet biex qerdet lil Ġesù fuq is-salib. Kienet din il-mibegħda li nbniet maż-żmien li wasslet għall-qerda ta’ Ġesù. Għalhekk, meta Ġesù qam mill-mewt, hu rebaħ il-mibegħda. Hu wera kif l-imħabba bla tarf ta’ Alla tirbaħ il-mibegħda.
Għalhekk hi “splużjoni ta’ mħabba”. Dak kollu li għamel Ġesù f’ħajtu wera kif din l-imħabba hi dik li timla l-qalb tagħna. Kienet din l-imħabba li mexxiet lid-dixxipli tiegħu biex jixterdu mat-trufijiet tal-art u jħabbru dan il-messaġġ hekk qawwi u sabiħ: Kristu hu ħaj, Kristu rebaħ il-mewt, u għalhekk l-imħabba tirbaħ fuq il-mibegħda, il-ħajja tirbaħ fuq il-mewt.
Għalhekk illum hi daqshekk festa kbira għalina. Meta naqraw din il-ġrajja nafu li m’aħniex qed naqraw leġġenda jew storja li tagħtina tagħlima, imma qed naqraw dak li seħħ tassew. U għax seħħ tassew għalina hu l-akbar sinjal ta’ tama. Għax seħħ tassew, lilna jimlielna ħajjitna b’din l-imħabba kbira ta’ Alla u jgħinna biex nimxu ’l quddiem fil-ħajja tagħna.
Ngħixu l-qawmien illum
Il-qawmien ta’ Ġesù hu għalina garanzija ta’ fejn irridu naslu, li lkoll imsejħin biex naslu, wara l-mixja ta’ ħajjitna, biex nissieħbu ma’ Ġesù fil-glorja; kif semma San Pawl, nissieħbu miegħu fil-qawmien tiegħu. Imma mhuwiex biss li nissieħbu miegħu fl-aħħar tal-ħajja tagħna, imma l-qawmien ta’ Ġesù hu wkoll li nissieħbu miegħu issa.
Kull darba li nqumu għal ħajja ġdida, mid-dnub għall-grazzja, mill-mibegħda għall-imħabba, aħna qed ngħixu l-qawmien ta’ Kristu. U kull darba li ngħinu lill-oħrajn biex iqumu għal ħajja ġdida, dak li nagħmlu bl-għajnuna tagħna, bil-kelma tagħna, bl-attitudni tagħna, kull meta ngħinuhom iqumu għal ħajja ġdida, qed ngħixu l-qawmien ta’ Kristu.
Għalhekk illum nirringrazzjawh lill-Mulej. Nitolbuh biex jimlielna dejjem qalbna b’din il-paċi u l-ferħ ta’ Kristu Rxoxt, u biex jgħinna ħalli ngħixu l-qawmien tiegħu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Speċjalment billi nissieħbu ma’ Kristu li hu d-dawl, ħa nkunu wkoll dawl għall-oħrajn, u nissieħbu ma’ Kristu li hu l-imħabba fil-milja tagħha, ħa nkunu mal-oħrajn ukoll strumenti tal-imħabba tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju