L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Albert Buhagiar bħala arċipriet tal‑parroċċa ta’ San Filep ta’ Aġira, Ħaż‑Żebbuġ.
Dun Albert Buhagiar twieled Ħal Tarxien fid‑19 ta’ Awwissu 1964. Huwa rċieva l‑formazzjoni għas‑saċerdozju fis‑Seminarju tal-Arċisqof f’Tal‑Virtù, ir‑Rabat, u segwa l‑istudji tal‑Filosofija u t‑Teoloġija fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta. Ġie ordnat saċerdot fit‑2 ta’ Lulju 1993.
Dun Albert serva bħala viċi kappillan fil‑parroċċa tal‑Gżira u fil‑parroċċa taż‑Żejtun. Fl‑1996 ġie appuntat segretarju privat tal‑Arċisqof Ġużeppi Mercieca. Fl‑istess żmien wettaq ukoll ħidma pastorali fil‑parroċċi ta’ Wied il‑Għajn u Ħal Luqa. Huwa kien ukoll arċipriet tal‑parroċċi tas‑Siġġiewi u l‑Mosta. F’Jannar tal‑2017 nħatar bħala Rettur tas‑Seminarju tal‑Arċisqof.
Il‑parroċċa ta’ Ħaż‑Żebbuġ tiġbor fiha popolazzjoni ta’ madwar 12,000 persuna.