L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Waħda mill-espressjonijiet li tisma’ fil-Festa tal-Lunzjata – rajtha wkoll miktuba – hija “Viva Omm is-Salvatur”. Naturalment, għandi nifhem li għal ħafna jkun hemm intenzjoni retta f’din l-espressjoni, imma nixtieq li niffoka fuqha fil-Festa tal-Lunzjata ta’ din is-sena u naraw x’tgħallimna.

Marija tmexxina lejn Ġesù

L-ewwel nett, Marija hija tassew Omm Ġesù li hu s-Salvatur tagħna. Fil-festa tal-lum, għandna l-mument meta hi aċċettat li ssir omm. Kien il-messaġġ tal-anġlu Gabriel li għall-bidu ħasadha, u ma setgħetx tifhem kollox, imma meta fehmet li dan kien messaġġ minn Alla, qalet: “Ara jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38).

Illum niċċelebraw lil din l-Omm li f’ħajjitha dejjem fittxet li tagħmel ir-rieda tas-Salvatur, u li hija dik li tressaq lin-nies lejn is-Salvatur. Fil-fatt, kulfejn insibu lil Marija dejjem insibuha tgħinna nitfgħu ħarsitna fuq Ġesù. Fit-tieġ ta’ Kana, hi tgħid lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Marija qatt ma fittxet li tidher hi, qatt ma tkabbret hi, imma dejjem fittxet li twassal in-nies għand Ġesù biex fih isibu s-salvazzjoni.

Dan hu l-ewwel messaġġ importanti għalina lkoll f’din il-Festa. Fejn hu s-Salvatur? Qiegħed hawn fil-knisja. Jistenniena biex nersqu lejh. Marija, bħala Omm is-Salvatur, hekk trid minna lkoll u għal dan tħeġġiġna – li nersqu lejn Ġesù fl-Ewkaristija biex inkunu viċin is-Salvatur tagħna. L-appell tiegħi hu lilna lkoll, speċjalment lilkom li tgħaddu ħafna ħin fit-tħejjija għall-festa ta’ Marija Annunzjata, u nixtieq ngħid kemm napprezzaw din il-ħidma tagħkom. Ftakru li Marija li intom tiċċelebraw tridkom tersqu lejn il-knisja, tiġu hawn, tieħdu sehem fil-quddiesa, speċjalment f’Jum il-Mulej, bħalma qed tagħmlu llum, tiftakru li hawn għandna l-aqwa u l-aħjar għall-ħajja u l-impenn tagħna.

Jalla Omm is-Salvatur dejjem tressaqna lejn Ġesù Ewkaristija, tgħinna nieħdu sehem fil-quddiesa u niftakru li hemm tkun tassew kuntenta bħala Omm: meta tarana hawnhekk viċin binha s-Salvatur.

Marija tgħożż il-ħajja

It-tieni messaġġ li nixtieq inwassal illum hu mibni fuq il-kelma “omm”. Meta l-anġlu Gabriel deher lil Marija u qalilha bil-pjan biex tkun Omm Ġesù, kien ċar fil-kliem tiegħu: “Int se tnissel fil-ġuf u jkollok Iben u ssemmih Ġesu” (Lq 1:31). 

X’qed jgħid l-anġlu? Qed ikun ċar ma’ Marija li mal-mument li hi taċċetta, se jitnissel fiha Ġesù, ħajja umana ġdida. L-anġlu ma jgħidx lil Marija: int se jkollok xi ħaġa, xi ftit ċelloli u ’l quddiem dawn jiffurmaw ruħhom f’tifel li jkun Ġesù. Le. Jgħidilha: int se tnissel fil-ġuf u jkollok Iben. U mal-kliem ta’ Marija, l-Iben ta’ Alla tnissel fiha.

Dan hu messaġġ importanti li tagħtina l-Festa tal-lum. Il-Lunzjata hi ċ-ċelebrazzjoni tal-Iben ta’ Alla li sar bniedem. Disa’ xhur oħra, fil-Milied, niċċelebraw it-tarbija li twieldet, imma llum niċċelebraw it-tarbija li tnisslet, il-bidu tal-ħajja tagħha. Għalhekk il-Lunzjata hi ċelebrazzjoni tal-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Dak hu li naraw fil-kwadru titulari tal-Lunzjata ta’ Giuseppe Calleja: lill-anġlu Gabriel li jinżel għarkupptejh biex jadura l-ħajja ġdida umana li bdiet, il-ħajja ta’ Ġesù. It-titular kull sena jfakkarna li l-ħajja umana ta’ Ġesù bdiet mat-tnissil. Hu għalhekk li llum meta nagħmlu l-professjoni tal-fidi ninżlu għarkupptejna fil-kliem: “U ħa l-ġisem bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu, minn Marija Verġni, u sar bniedem”.

Inkunu qegħdin niċċelebraw tassew kif jixraq il-Lunzjata jekk aħna naħdmu bis-sħiħ għall-għożża tal-ħajja mal-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Hawnhekk f’Ħal Balzan għandna nkunu kburin b’dan, u nwasslu dan il-messaġġ ċar favur il-protezzjoni tal-ħajja. 

Marija tfittex ir-rieda ta’ Alla

It-tielet messaġġ hu marbut ma’ dak li din l-Omm qalet fit-tmiem ta’ din il-ġrajja: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”. Marija fehmet li l-isbaħ fil-ħajja huwa meta aħna nagħrfu dak li Alla jsejħilna għalih u nagħmluh bl-akbar imħabba. Dak li tgħid Marija f’din il-ġrajja kompliet issostnieh tul ħajjitha kollha, fil-mumenti sbieħ kif ukoll fil-mumenti diffiċli. Huwa għal dan li ssejħilna, lil kull wieħed u waħda minna llum. Tgħidilna: qiegħed l-ankra ta’ ħajtek fil-Mulej, fittex ir-rieda tiegħu, ibqa’ magħqud miegħu ukoll fil-mumenti diffiċli. Dak hu li jagħmlek tassew fil-paċi u ferħan f’ħajtek.

Nixtieqkom tiftakru li ma kienx faċli għal Marija li tkompli tgħid “ħa jsir minni skont kelmtek” matul ħajjitha kollha. Kien hemm waqtiet tassew ibsin, bħal meta spiċċat taħt is-salib u binha qed jiġi maqtul b’mod kiefer avolja għamel biss ġid. Huwa hemm, meta qiegħda taħt is-salib, li tikseb it-titlu ta’ Omm l-umanità minn Ġesù nnifsu, huwa hemm li tidher b’mod qawwi bħala Omm is-Salvatur waqt li Ġesù qed isalvana minn fuq is-salib, u huwa hemm li Marija wieqfa fis-skiet tirrepeti f’qalbha: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”.

Hemmhekk tiftakar fil-kliem tal-anġlu Gabriel li smajna fl-Evanġelju, u għalkemm tara minn barra eżatt il-kontra ta’ dak li qalilha, tibqa’ temmen li qed iseħħ il-misteru tal-fidwa tal-bniedem. Tibqa’ tħobb u tibqa’ tittama.

Dan hu messaġġ tassew jiswa għal ħajjitna: lilna Marija ssejħilna biex f’ħajjitna nfittxu r-rieda ta’ Alla, ikun dan il-ferħ ta’ ħajjitna, u biex nibqgħu nemmnu li hemm insibu tassew dak li jimla l-qalb tagħna: meta ngħidu aħna wkoll kuljum: “Ara jiena l-qaddej/ja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”.

Marija għexet dan il-kliem għax kellha l-paċi f’qalbha. Tidher tant sabiħa din il-paċi f’Marija fil-vara titulari tal-Lunzjata ta’ Salvatore Dimech. Marija tgħallimna li qatt mhi r-rieda ta’ Alla li jkun hemm spirtu ta’ diviżjoni u firda. Marija ma tiħux gost b’min jitkabbar u jifraħ b’xi “supremazija” – kelma li kultant tissemma f’xi festi Maltin biex tesprimi li aħna aqwa minn ħaddieħor – għax, għal Marija, is-supremazija tagħha kienet biss f’li tagħmel ir-rieda ta’ Alla. Hi għexet dejjem b’umiltà kbira l-ħajja tagħha ta’ mħabba, għalkekk spirtu ta’ pika u konflitt hu kontra l-ispirtu ta’ Marija.

Nitolbu llum lil Marija, Omm is-Salvatur: O Marija, għinna biex inkunu dejjem viċin Ġesù s-Salvatur kif kont int; biex dejjem ngħożżu l-ħajja kif kienet għażiża għalik; u biex infittxu li nkunu bħalek qaddejja tal-Mulej, bil-paċi f’qalbna, biex iseħħ fina dak li jrid il-Mulej.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

More Photos