-
-
***
Direttur: Luke Scott
Atturi: Kate Mara, Anya Taylor-Joy, Toby Jones
Ħin: 92 minuti
Maħruġ minn KRS Releasing Limited
Klassifika tal-Gvern: 15
Klassifika tal-Knisja: 18
F’laboratorju iżolat ġewwa foresta grupp ta’ xjenzati, immexxijin minn Dr Lui Cheng, ikunu qed ‘irabbu’ u jistudjaw tfajla artifiċjali, jisimha Morgan. Hija għad għandha biss ħames snin iżda diġa’ hija adulta. Morgan qedha tipprova titgħallem xi jfisser li tkun umana. Iżda jinqala intopp meta Morgan tattakka b’mod vjolenti u timmanka lil psikjatra li tkun qedha tieħu ħsiebha. Il-kumpanija li tkun qedha tiffinanzja dan l-esperiment tibgħat lil Lee Weathers, ‘risk management officer’, biex teżamina s-sitwazzjoni u tara x’l-aħjar isir. L-għażla hija ċara, li Morgan tiġi meqruda, iżda x-xjenzati u l-istaff li jkunu qed jagħmlu dan l-esperiment ikunu saru jħobbuha u ma jridux li hija tinqered. Għalhekk jipprovaw iħarrbuha iżda hija tagħmel ħerba minn kull min ikun hemm.
Film drammatiku ta’ fantaxjenza, li b’xi mod jixbah lil ‘Ex Machina’ iżda huwa inferjuri għalih. Dan il-film kien fih l-opportunita’ li jeżamina l-kwestjoni dwar kemm magna tista’ tkun umana iżda minflok jieħu t-triq tal-vjolenza. Fih ħafna vjolenza, xi kultant imdemmija. Jgħodd għal udjenza adulta.