• **

    Diretturi: Anna Boden u Ryan Fleck

    Atturi: Ryan Reynolds, Ben Mendelsohn, Sienna Miller, Analeigh Tipton, Alfre Woodard, Jayson Warner u Robin Weigert

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15

    Gerry, minn Iowa, lagħab ivvizzjat, jinsab għaddej minn żmien ħażin ħafna tant li ħass il-bżonn li jidħol bi sħab ma’ Curtis,  plejer kariżmatiku fil-logħba tal-poker. Gerry barra li jħobb jilgħab, għandu wkoll il-vizzju tax-xorb, f’kelma waħda kien jinsab tassew f’qagħda kritika. Ngħaqad ma’ Curtis biex  forsi l-fortuna tibdel ir-rotta tagħha. It-tnejn jagħmlu vjaġġ lejn nofs-inhar biex forsi jirbħu lura l-flus li ntilfu l-aktar minnaħa ta’ Gerry.  Biex tkompli tagħti stampa negattiva tal-qagħda li kien jinsab Gerry, insiru nafu wkoll li kien abanduna lill-martu u  lit-tifel li kellu fiż-żwieġ tiegħu.  Fil-vjaġġ li Gerry u Curtis jagħmlu, nassistu għal numru ta’ ġrajjiet  li huma jgħaddu minnhom. Joħrog tajjeb il-karattru differenti ta’ bejniethom.  Curtis juri karattru iktar pożittiv  minn ta’ Gerry. Curtis kien lest li jilgħab karta ambizzjuza meta juri pjan li kellu jeħodhom ġewwa New Orleans biex jiehdu sehem f’logħba tal-poker li kien jitlob minn kull plejer li jpoġġi somma ta’ flus ta’ mhux inqas minn $25,000. Fil-vjaġġ li jagħmlu, jkun hemm mumenti li t-tnejn jirbħu waqt li f’oħrajn jitilfu wkoll. Tgħid jagħmlu xi rebħa sostanzjali meta jsibu ruħhom ġewwa New Orleans. Curtis kien lest li anke jislef lil sieħbu flus biex  ikun jista’ jilgħab ukoll. Dan kien tassew riskju kbir għal Curtis. Iżda x’jiġri meta jpoġġu l-flus kollha fil-logħba tal-poker? X’effett ikollu Curtis fuq Gerry?

    Film kummiedja, Amerikan, taħt id-direzzjoni ta’ Anna Boden u Ryan Fleck,  ilaqqgħana ma’ żewġ lagħba, Gerry u Curtis.  Gerry iħoss il-bżonn li jingħaqad ma’ Curtis għax kien jinsab f’qagħda tal-biki meta kien kważi tilef il-flus kollha fil-logħba tal-poker. Il-film juri l-kruha tal-vizzju tal-logħob u li  ħafna drabi ġġib fix-xejn minn jidħol fih. Tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax –il sena.