• *****

    Direttur: Christopher McQuarrie
    Atturi: Tom Cruise, Jeremy Renner, Simon Pegg, Rebecca Ferguson, Ving Rhames, Sean Harris u Alec Baldwin
    Ħin tal-Film: 131 min.
    Klassifika taċ-Ċensura: 12A
    Klassifika tal-Knisja: 12
    Il-Impossible Mission Force (IMF) taħt it-tmexxija ta’ Ethan Hunt jinfiltraw l-ajruport ta’ Minsk ġewwa Belarus. L-għan tagħhom u l-missjoni delikata li kellhom kienet li jwaqqfu l-konsinja ta’ armi kemikali perikolużi li jitilqu minn hemm. Sfortunatament l-espert tekniku Benji Dunnma ma jkunx kapaċi li jwaqqaf l-ajruplan milli jitlaq. Ikun Hunt li ssalva l-qagħda b’ att erojiku meta b’xi mod jew ieħor jirnexxielhu jaqbeż fuq il-ġwienaħ tal-ajruplan u jżomm  mal-bieba hekk kif l-ajruplan jirnexxielhu jitla’ f’ għoli biżżejjed li jagħmilha perikoluża għal Hunt sakemm fl-aħħar, b’xi mod jew ieħor,  jirnexxielhu jidħol ġewwa l-ajruplan u flimkien mat-tagħbija joħrog minn wara tal-ajruplan, biex b’hekk jassigura li l-konsinja ta’ armi kemikali  ma tasalx  f’idejn it-terroristi. Ftit xhur wara din il-ġrajja, l-IMF tiġi akkużata quddiem l-għola awtorita’ tas-sigurta’ nazzjonali mill-kap tas-CIA, Alan Hunley.  L-akkuża kienet li s-sena ta’ qabel,  l-IMF kienet wetqet attakk fuq il-Kremlin b’riżultat diżastruż fix-xena diplomatika bejn l-Amerika u r-Russja. Ir-riżultat ta’ din l-inkjesta kienet li l-IMF kellha tiġi żarmata alavolja William Brandt li kien qiegħed jidħer għal IMF jiprotesta bil-qawwa. Iżda kien kollu għal xejn u l-ordni ngħattat li l-operazzjoni kollha ta’ l-IMF kellha tieqaf. Iżda kemm Etah, LutherStickell, Brandt u Benji ma kienux sejrin iċċedu daqshekk malajr għall-pressjoni li l-awtorita’  kienet qegħda tinsisti. L-IMF kienet determinata  li jwaqqaf is-Sindikat li kien  wara l-ħidma terroristika. Is-Sindikat kien maghmul minn grupp ta’  eks operaturi multi nazzjonali  li għall-flus kienu lesti jagħmlu kollox. Tgħid jirnexxielhom jikkontrollaw u jġibu fix-xejn is-Sindikat milli jkompli bi pjani djaboliċi tiegħu?  Il-missjoni żgur ma kienitx faċli anżi dehret impossibli.      
    Film triler Amerikan, mimli azzjoni,  taħt  id-direzzjoni u kitba ta’ Christopher McQuarrie,  ilaqqagħna mat-tim tal-Impossible Mision Force  (IMF)  taħt it-tmexxija ta’  Ethan Hunt li kienu lesti li jiehdu kull azzjoni biex iġibu fix-xejn organizzazzjoni perikoluża  għal-umanita’. Dan hu l-ħames film bl-istess tema ta’  Mission Impossible. Minnaħa xi xeni ta’ vjolenza jkun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena.