L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Nixtieq nirringrazzja liċ-ċkejken Samuel li fil-prietka tradizzjonali tat-tifel ġabar is-sinifikat profond ta’ dan il-misteru. Ma nafx x’jista’ jżid l-Isqof ma’ dak li qalilna Samuel illejla. Fil-ħsieb qasir tiegħi nixtieq li flimkien nimmeditaw fuq kelma li qalilna l-Appostlu Missierna San Pawl f’ittra li kiteb fix-xjuħija tiegħu waqt li kien pruginier Ruma lil wieħed mid-dixxipli żgħażagh tiegħu, Titu: “Dehret il-grazzja ta’ Alla” (Tit 2:11).

Fit-Testment il-Ġdid il-kelma ‘grazzja’ tfisser ukoll imħabba, ħniena, u tenerezza. Aħna u nħarsu lejn it-tarbija ta’ Betlem naraw li f’dik it-tarbija dehret—għax nistgħu narawha—l-imħabba ta’ Alla, il-ħniena tiegħu, it-tenerezza tiegħu għalina l-bnedmin. X’nistgħu nieħdu minn din it-tabrija jekk mhux il-qawwa, il-kuraġġ u forsi r-rieda li għal xulxin aħna wkoll inkunu għajn ta’ grazzja, għajn ta’ mħabba, għajn ta’ ħniena, għajn ta’ mogħdrija, u ta’ solidarjetà? Ilkoll nifhmu li dawn huma sentimenti u valuri li kull wieħed u waħda minna fid-dinja tal-lum għandna għatx għalihom.

Kemm hi qawwija l-profezija ta’ Iżaija minn kapitlu 9 li titħabbar f’dan il-lejl: “Kull qorq li jħabbat it-taqtigħa, kull mantell mgħargħar fid-demm jispiċċa għall-ħruq biex jieklu n-nar. Għax tweldilna tifel, ingħatalna iben” (Iż 9:4-5). Fil-profezija ta’ Iżaija, it-twelid ta’ din it-tarbija huwa b’xi mod stedina għalina l-bnedmin biex fostna tieqaf il-vjolenza, il-ġlied, il-mibegħda, u l-kefrija. Din il-profezija, miktuba mijiet ta’ snin qabel ma’ twieled Ġesù elfejn sena ilu, għadha attwali.

Kif qal u fakkarna Samuel, fl-art fejn twieled Ġesù, illum qed jinqatlu eluf ta’ nies. Il-mistoqisja hi: għaliex? X’se nieħdu b’dan kollu? Se neqirdu tassew lil xulxin? Tista’ teqred poplu jew inkella tista’ tħares lejk innifsek billi toqtol lil xi ħadd? Ejjew nitolbu li t-twelid ta’ dan it-tifel li qed niċċelebraw illum, ifakkarna fir-responsabbiltà li għandna li minflok inkissru lil xulxin, nieħdu ħsieb xulxin; ibda miċ-ċokon ta’ pajjiżna u nindirizzawha lill-umanità kollha.

“Dehret il-grazzja ta’ Alla”. Nixtieq li f’dawn l-erbat ijiem li għandna fuq din id-dinja, kull min jiltaqa’ magħna jiltaqa’ mal-esperjenza ħajja tal-imħabba ta’ Alla u tal-ħniena tiegħu u jgħaddiha lil ħaddieħor. “Dehret il-grazzja ta’ Alla”. Skont San Pawl stess, il-grazzja ta’ Alla “trawwimna nwarrbu l-ħażen u l-ġibdiet tad-dinja biex ngħixu bir-rażna u l-ġustizzja u t-tjieba f’dan iż-żmien” (Tit 2:12). Għax il-Milied jiġi wkoll biex ifakkarna li hemm għażliet importanti li jiddependu minna u hemm oħrajn li ma jiddependux minna.

Illum, f’dan il-lejl qaddis, nitolbu ’l Alla li nkunu miegħu hu u jsalva x-xbieha tiegħu li aħna, jagħmilha sabiħa. Alla jsir bniedem biex jgħallem ’il bniedem ikun bniedem maħluq fuq ix-xbieha ta’ Alla; ried isalva lilna—li aħna xbieha sabiħa tiegħu—biex f’kull bniedem li huwa xbieha ta’ Alla tidher l-imħabba ta’ Alla, il-grazzja u l-ħniena tiegħu.

Għalhekk, meta tmorru lura fi djarkom u forsi tħarsu lejn ix-xbieha tal-Bamibn li għandkom id-dar, ftakru li dik ix-xbieha qiegħda hemm biex fil-qlub tagħna jidwu dawn il-kliem ta’ tama: dehret l-imħabba ta’ Alla, dehret il-ħniena tiegħu, dehret it-tenerezza tiegħu, dehret il-grazzja ta’ Alla.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 9:1-6
Salm: 95(96):1-2a,2b-3,11-12,13
Qari II: Tit 2:11-14
Evanġelju: Lq 2:1-14

Aktar ritratti