• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali, Ħal Għaxaq
    9 ta’ Frar 2018

    Għażiż Dun Gordin, San Luqa, il-kittieb tal-Atti tal-Appostli, ifakkarna li fil-miġja tal-Appostlu Missierna, kien ħafna bard u llum mhux inqas: “Bdiet nieżla x-xita u kien il-bard” (Atti 28, 2). Imma dak il-jum għalina kien jum ta’ risq u ta’ barka u rrid nifhem u nitlob li anke għal din il-parroċċa, dan il-jum ikun jum ta’ risq u ta’ barka, inti u tibda uffiċjalment il-ministeru tiegħek bħala ragħaj ta’ din il-komunità Nisranija.

    Jiena nixtieq nislet ftit ħsibijiet qosra ispirati mid-djalogu tal-Appostlu Missierna fil-vjaġġ tiegħu lejn Malta. Ma kienx vjaġġ ippjanat. Il-vjaġġ tiegħu kien lejn Ruma għaliex hemmhekk xtaq li jkollu l-ġudizzju mill-imperatur. Bħala ċittadin Ruman esiġa li jiġi ġġudikat mill-imperatur stess. Bħala pruġinier tefgħuh fuq l-ewwel bastiment li kien hemm disponibbli għall-vjaġġ lejn Ruma.

    Il-waqfa f’Malta, kif nafu, hija waqfa mhux programmatika, hija waqfa drammatika; ma kellux il-ħsieb li jagħmel tliet xhur hawnhekk imma hekk għamel. Dun Gordon, inti ma naħsibx li kien fil-programm tiegħek li tkun Ħal Għaxaq imma hawn qiegħed, u nassigurak li mhux se ddum tliet xhur, se ddum iżjed. Qed jgħidli: ‘Nispera’. Anke jien nispera. 

    Ħin minnhom lil sħabu ta’ fuq dan il-bastiment li qed jinġarr mill-kurrenti, li qiegħed fi kriżi totali, fil-fatt jispiċċa mfarrak fuq is-sikka bejn Burmarrad u l-Qawra, jgħidilhom: “Ħadd minnkom mhu se jitlef ħajtu […] Dan il-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu inqim, u qalli: ‘Tibżax, Pawlu, jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari; ara Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġaw miegħek, isalvaw’. Mela qawwu qalbkom, ħbieb. Jiena nemmen f’Alla li hekk isir sewwa sew kif ħabbarli. Jeħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira” (Atti 27, 22-26). Missirijietna kienu jinsistu ħafna fuq din il-parti tal-profeżija, jiġifieri li Pawlu “jeħtieġ li naħbtu ma’ gżira”.

    Imma jiena li nawguralek, għażiż Dun Gordon, huwa li Alla, bħalma għamel lill-Appostlu Missierna, jagħtik il-grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġaw miegħek, isalvaw. Għal dan trid taħdem inti. Inti pellegrin, inti parti minn din il-komunità, ilkoll kemm aħna qegħdin f’mixja, min jogħtor minn hawn, min jiżloga saqajh minn hemm, imma qegħdin f’mixja. Ilkoll kemm aħna kultant nieħdu xi tisbita jew naqgħu. Il-bniedem ġust jaqa’ seba’ darbiet kuljum, imma nibgħu mexjin. Kultant fil-mixja nintilfu fix-xenarju u ninsew fejn sejrin, kultant jistaqsuna: ‘Imma inti fejn sejjer?’ Ma nafx, imma mexjin. Inti tissieħeb mal-komunità tiegħek f’dan il-vjaġġ lejn is-sema. Il-Mulej jagħtik il-grazzja li dawn kollha li qegħdin jivvjaġġaw miegħek, isalvaw; l-ewwel wieħed issalva inti, imma jsalvaw ukoll dawk kollha li l-Mulej qiegħed jafdalek.  

    Meta inti tkellem lill-membri ta’ din il-komunità kun xhud ta’ dak Alla li inti tiegħu u li lilu tqim. Meta jarawk u jaraw kemm inti dħuli, jirrealizzaw li inti ambaxxatur ta’ Alla li inti tiegħu, li inti tqim lilu, mhux l-idoli foloz. Inti u ddur bil-ġarra mar-raħal, agħti l-ilma frisk li ġej mill-għajn li tnixxi ilma safi u mhux il-ħama tal-bjar li kultant inħaffru għalina nfusna, li huma bjar imtaqqba, bħalma jgħid il-profeta. Inti dan huwa l-ilma li trid tagħti lill-komunità tiegħek.  

    Fi djalogu ieħor, Pawlu jirrealizza li sħabu m’għandhomx il-qawwa jieklu xi ħaġa u jgħidilhom:  “Issa ilkom erbatax-il lejl ma tieklu xejn […] Agħmlu l-qalb u trejqu b’xi ħaġa tal-ikel; dan jiswielkom għal saħħitkom għax ħadd minnkom mhu se jitlef xagħra waħda minn rasu” (vv. 33-34). Aħna rridu nwasslu dan il-messaġġ: aħna qegħdin biex insalvaw mhux biex nintilfu, imma hemm bżonn nitrejqu.   

    Inti llum bħala kappillan, se tieħu pussess ta’ żewġ imwejjed li minnhom jitrejjaq il-poplu ta’ Alla li qed jivvjaġġa miegħek: il-mejda tal-Kelma u l-mejda tal-Ewkaristija. U inti kontinwament trid tfakkar lill-poplu għażiż tiegħek: “Agħmlu l-qalb, trejqu b’xi ħaġa tal-ikel”.

    Dalwaqt nibdew ir-Randan u nisimgħu lil Ġesù jgħid: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” (Mt 4, 4). U inti trid tfakkar din il-ħaġa lill-poplu għażiż tiegħek: li għandu bżonn jitrejjaq mill-Kelma ta’ Alla u mill-ħobż qaddis tal-Ewkaristija. U ma jistax jibqa’ jsum, trid tfakkar lil min ilu jsum mill-Kelma, li ilu jsum mill-Ewkaristija, biex jagħmel il-qalb għax dan jiswielu għal saħħtu, għas-saħħa vera tiegħu. U hekk inti tkun qed tagħti garanzija li jagħti l-Mulej: “Ħadd minnkom mhu se jitlef xagħra waħda minn rasu”. 

    L-aħħar ħsieb. Ħin minnhom Pawlu ma jibqax jitkellem meta jiġi Malta. Id-djalogu, il-kelma tiegħu nisimgħuha waqt il-vjaġġ. F’Malta, Pawlu iżjed milli jgħid, jaġixxi. Meta jiġi fuq din l-art qaddisa li hija l-art ħelwa li aħna nsejħu ‘ommna’, għalkemm huwa wieħed min-nawfragi, għalkemm hu wieħed minn dawk il-276, imidd idu, ifittex iz-zkuk niexfa biex il-ħuġġieġa li għamlu l-Maltin għal dawn it-turufnati biex jisħnu ftit wara dik it-traġedja kollha u dak it-taħbit kollu, u imidd idu, imidd idu.  

    Jiena nafek hekk, m’hemmx għalfejn ngħidlek, Dun Gordon. Inti bniedem li tmidd idek, fejn hemm bżonn, taġixxi. Ftakar fl-Appostlu Missierna, mhux se jgħid: ‘Jiena għandi bżonn nisħon’. Le, jaqbad u jipparteċipa. Jiena nimmaġina kien jinsisti mal-Maltin wara li qalu li hu Alla, li hu mhux Alla imma l-messaġġier ta’ Alla ħaj u veru.

    Hu fejjaq bħalma fejjaq lil missier Publiju, fejjaq il-morda kollha tal-gżira. Inti wkoll trid twassal il-fejqan li huwa l-fejqan tal-Mulej. It-talba li nagħmel għalik u għal din il-parroċċa għażiża ta’ Ħal Għaxaq hija li inti taħdem għall-għaqda vera, mhux għaqda tal-icing, kożmetika, imma għall-għaqda vera. Nitlob wisq jekk nitlob li nitgħallmu nifirħu bil-ferħ ta’ xulxin mingħajr ħafna komplikazzjonijiet żejda? Inti tifraħ u jiena nifraħ għax inti qed tifraħ. Meta nifraħ jien, inkompli nifraħ għax inti qed tifraħ miegħi. U b’hekk il-ferħ jiżdied, jitkattar.

    Jiena ħadt pjaċir li ż-żewġ baned offrew li jdoqqu flimkien imma x-xita imbagħad iddeċidiet hi, imma d-deċiżjoni kienet hemm. Għal Alla qishom daqqew l-ikbar u l-aqwa sinfonija tad-dinja għax id-deċiżjoni kienet hemm u l-għaqda b’deċiżjoni deliberata u konvinta trid isseħħ. Mhux biss fil-leaders imma f’kull persuna impenjata.

    Il-Mulej jagħtina din il-grazzja li nibżgħu għal xulxin, inħobbu tassew lil xulxin. U nitlob ukoll il-barka tal-Appostlu Missierna San Pawl fuqek, tal-Verġni Marija u ta’ San Ġużepp. Nitlob ukoll lill-poplu għażiż ta’ din il-parroċċa li naf li laqgħek, biex jissapportjak, biex inti ma tħossokx waħdek, imma tħossok merfugħ mill-poplu tiegħek. Agħtihom il-qalb tiegħek, huma jagħtuk qalbhom ta’ poplu ġeneruż u l-Mulej jagħmel minnek ragħaj tajjeb.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta 


  • Il-Qari tal-Quddiesa:

    Qari I: 1 Slaten 11, 29-32; 12, 19
    Salm: 80 (81), 10-11ab.12-13.14-15
    Evanġelju: Mk 7, 31-37