Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

L-ewwel nett jien nixtieq nirringrazzjak ħafna tal-awgurju tiegħek, anke tal-kliem profond li għidt. Jien nixtieq nibda mil-lum stess għaliex intlaħaq ftehim ieħor bejn il-Gvern u l-Caritas dwar ir-rijabilitazzjoni ta’ residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li għandhom bżonn rijabilitazzjoni għaliex huma dipendenti mid-droga. Il-kummenti kemm tal-Ministru kif ukoll tal-Kurunell li qed jieħu ħsieb il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin huma ta’ apprezzament, imma l-apprezzament jiġi wkoll min-naħa tal-Knisja li tħossha afdata u tħossha wkoll msejħa biex tkun ta’ kontribut konkret.

Inti bdejt b’nota personali u jien nixtieq nirreċiproka wkoll għaliex din l-esperjenza li kelli l-ewwel bħala Amministratur Appostoliku ta’ din l-Arċidjoċesi ġa f’Ottubru tal-2014 u anke mbagħad bħala Arċisqof ta’ Malta, jiena nista’ ngħid li dejjem sibt koperazzjoni.

Onor. Prim Ministru apprezzajt ukoll ir-riferiment għar-Rerum Novarum li għamilt. Aħna għandna kelma importanti ħafna f’din it-tradizzjoni tal-kelma tal-Papiet fuq it-tagħlim soċjali tal-Papa Franġisku fil-Laudato Si’ li qed jibni wkoll fuq il-predeċessuri tiegħu. Il-Papa qed jitlob minna lkoll għażliet kuraġġużi biex aħna nippruvaw inħarsu dak li għandna, nibdew mill-ambjent naturali anke l-ambjent mibni, u jkollna sens ta’ responsabbiltà għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Naħseb din il-kelma hija importanti ħafna fil-qasam politiku Malti wkoll. Ngħaddu x’ngħaddu minnu, irridu nużaw anke mumenti diffiċli bħalma qegħdin ngħaddu minnhom issa biex nikkonfrantaw ruħna mar-realtà, ma naqtgħux qalbna, nibqgħu nagħtu tama lill-poplu tagħna imma naħdmu biex il-ġenerazzjonijiet futuri nassigurawlhom mhux biss kwalità ta’ ħajja aħjar imma anke kwalità morali għolja u etika. Jiena naħseb li din hija sfida importanti, sfida attwali wkoll u nħoss li l-verità, anke jekk mhux se tkun komda naffaċċjawha, imma mbagħad irridu nħarsu ’l quddiem.

Jiena nawgura wkoll li fid-diskors ta’ bejnietna u l-mod kif inħarsu lejn xulxin nibqgħu jkollna almenu minimu ta’ umanità u ta’ ċiviltà u anke l-isforz biex kull tentazzjoni ta’ mibegħda jew ta’ rabja aħna nirbħuha. Ovvjament fil-mumenti diffiċli jafu joħorġu minna l-aħjar jew l-agħar, u din hija sfida u għażla li hija f’idejna. Aħna rridu f’mumenti ta’ sfida ngħidu: din hija wkoll opportunità li aħna nirreaġixxu bl-aħjar mod. U jiena dan l-awguri li nagħmel  hawnhekk quddiem persuni li għandhom responsabilitajiet importanti u li nafhom personalment għaliex nikkopera magħhom fuq diversi livelli u permezz ta’ diversi kuntatti.

Nieħu pjaċir meta l-kuntatt ikun leali, ikun veru għax imbagħad jiena rrid wkoll għandi d-dover nirrispetta l-politika tal-Gvern, id-direttivi li jiġu mill-Ewropa u l-isforz li aħna, waqt li qed naħdmu għall-ġid komuni, irridu wkoll nirrispondu għal-esiġenzi ta’ umanità, ta’ solidarjetà fil-kuntest konkret tagħna.

Nixtieq ukoll nirringrazzjak ta’ dak kollu li ħdimna flimkien, aħna se nibqgħu niltaqgħu x’aktarx fuq livelli inqas formali. Ippermettili, fuq nota personali, nixtieq inselli għal Michelle u għat-tfal. Kien ta’ ferħ kbir għalija li lil Soleil Sophie u Etoile Ella tajthom il-Griżma. Verament kienet esperjenza sabiħa ma’ sħabhom tal-iskola.

Wliedna naħseb jagħtuna spunt ta’ responsabbiltà u ta’ tama. Id-domanda li rridu nagħmlu lilna nfusna huwa: x’futur se nagħtuhom? Ir-responsabbiltà allura mhux għalina biss, imma missier u omm meta jaħsbu fuq il-legat tagħhom iħarsu lejn uliedhom, għax inti għal uliedek tkun tixtieq l-aħjar.

Nixtieq nippreżentalek ir-raba’ edizzjoni tal-ktieb Kelma ta’ Ħabib. Dan huwa dak kollu li għedt fl-2018. Fih 600 paġna. Tant jgħiduli biex nagħlaq ħalqi u r-reazzjoni tiegħi hija li nibqa’ ngħid. Ovvjament imbagħad għandna kopja għal kulħadd. Grazzi ħafna.

✠ Charles J. Scicluna   
Arċisqof ta’ Malta 

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti