Għażiż ħija fis-saċerdozju,

F’Ħamis ix-Xirka mdorrijin niltaqgħu fil-Konkatidral ta’ San Ġwann u flimkien niċċelebraw il-misteru kbir mhux biss tal-Ordinazzjoni tagħna imma tal-vokazzjoni tagħna.

San Ġwann Pawlu II kien jgħid li l-vokazzjoni tagħna hija misteru kbir. Aħna nafu lkoll kemm aħna kemm hu misteru kbir ta’ ħniena u ta’ mħabba minn Alla, li tistedinna biex din l-imħabba li rċevejna, din l-għażla preferenzjali li tibgħatna bħala missjunarji tal-ħniena u tal-imħabba aħna nkunu xhieda tagħha fost il-poplu għażiż tagħna.

Nifhem, kemm hi diffiċli għalik, għal kull wieħed minnha, biex aħna nħossuna qrib il-poplu tagħna meta l-Mulej fiċ-ċirkostanzi qiegħed jitlobna niċċaħħdu minn dak il-kuntatt, mill-fatt li aħna f’Ħamis ix-Xirka din is-sena m’aħniex ser niltaqgħu flimkien biex inġeddu l-wegħdiet saċerdotali tagħna. Jiena nixtieq l-ewwel nett nirringrazzjak tax-xogħol li għamilt u li tagħmel, imma nitolbok ukoll li f’dawn il-ġranet partikulari tal-Ġimgħa Mqaddsa ta’ din is-sena, aħna fil-qalb tagħna nġeddu, jiena u inti flimkien ma’ ħutna s-saċerdoti kollha, il-wegħdiet saċerdotali li għamilna, u waqt li nixxenqu għal poplu għażiż tagħna nimpenjaw ruħna biex inkomplu nagħtu ħajjitna għalih.

Nixtieq nirringrazzjak f’dan il-jum għażiż ta’ Ħamis ix-Xirka, ta’ dak kollu li int, ta’ dak kollu li tagħmel u b’mod speċjali tal-missjoni tiegħek li titlob għall-poplu qaddis ta’ Alla, li tinterċedi, li inti tidħol bejn il-bnedmin u bejn Alla u tkun dak il-pont li jgħaqqad lill-bnedmin bejniethom u l-bnedmin ma’ Alla. Kemm hija ħaġa sabiħa li aħna llum mhux biss nifirħu bil-vokazzjoni tagħna imma fiċ-ċirkostanzi attwali nkomplu nagħtu ħajjitna bħalma għamel ir-Ragħaj it-Tajjeb li ta ħajtu għan-nagħaġ tiegħu.

Nawguralek mill-qalb, ħija għażiż, il-festa t-tajba u kull barka mis-sema.

✠ Charles Jude Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta