-
-
Il-Palazz tal-President, Il-Belt Valletta
20 ta’ Diċembru 2014Eċċellenza President ta’ Malta,
Onorevoli Prim Ministru,
Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni,Huwa privileġġ għalija li nindirizza lill-Pajjiż fil-bidu tal-istaġun sabiħ tal-Milied.
L-ewwel ħsieb tiegħi huwa appell biex dan il-Milied ngħixuh flimkien bħala familja waħda. Il-familja ma jkollhiex biss mumenti sbieh, imma jkollha wkoll mumenti diffiċli. L-istedina li għandna quddiemna, fiċ-ċirkustanzi kollha tagħna, hija li nħallu d-dawl ta’ din it-tarbija ta’ Betlehem, li twieldet elfejn sena ilu, iddawwal il-ħajja tagħna bħala familja, il-familja tagħna l-Maltin u l-Għawdxin, u l-familji kollha ta’ tip differenti li huma rikkezza għal pajjiż tagħna. Jiena nixtieq insellem lil tant ġenituri u tant nanniet, li matul is-sena jiddedikaw ħajjithom u joffru l-imħabba tagħhom biex irabbu lil ulied dan il-Pajjiż. Irrid insellem ukoll lil tant nies oħra li huma mpenjati fil-formazjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ.
Fil-Milied niċċelebraw it-twelid ta’ Tarbija. Fil-lejl tal-Milied, l-anġli dehru lir-ragħajja, li kienu kategorija ta’ nies emarġinati, u tawhom dan il-messaġġ: “F’għar issibu tarbija mimduda f’maxtura u dan hu ta’ ferħ kbir għalikom għax twieldilkom Salvatur” (Lq 2, 11-12). U l-anġli għannew din l-għanja: “Glorja ‘l Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin maħbubin mill-Mulej” (Lq 2, 14).
Din l-għanja għandha dimensjoni li tħares ‘il fuq: “Glorja ‘l Alla fl-għoli tas-smewwiet”, u għandha wkoll messaġġ għalina: “paċi fl-art lill-bnedmin maħbubin mill-Mulej”. Il-Milied irid ikun okkażjoni biex, jekk aħna insejna lil Alla matul is-sena, nerġgħu nagħtuh glorja. U dan billi, ta’ wlied maħbubin minnu, niftakru fl-imħabba tiegħu għalina u nirringrazzjawh. Imma ejjew ma ninsewx lil xulxin. “Paċi fl-art lill-bnedmin maħbubin mill-Mulej!” Il-Mulej iħobb lil kulħadd, anke lil dawk li forsi aħna nħarsu lejhom biċ-ċiera, jew dawk li nħarsu lejhom bħala theddida jew bħala għedewwa għaliex qegħdin jinkwetaw ħafna lill-familja tal-bnedmin.
-
-
Illum, aħna u nitolbu għall-paċi, niftakru f’tant bnedmin ippersegwitati fid-dinja, tant Insara wkoll li qed ikollhom jitilqu mill-pajjiżi fejn ilhom hemm għall-eluf ta’ snin, għaliex hemm terroriżmu li jrid jimponi l-ideat tiegħu bil-vjolenza. Niftakru fihom u nitolbu għad-don tal-paċi billi l-ewwelnett naħdmu biex aħna wkoll inkabbruha u nrawmuha bejnietna.
L-aħħar ħsieb li nixtieq naqsam magħkom. Fost l-ismijiet sbieh ta’ din it-tarbija li ser niċċelebraw it-twelid tagħha f’dan il-Milied, hemm wieħed li jiena nħossu tant attwali. Il-profeta Isaija semma lil din it-tarbija ‘Għimmanu-El’, li bi lsienna jfisser: Alla magħna. Kemm tkun ħaġa sabiha li f’dan l-Milied niskopru mill-ġdid il-preżenza ta’ Alla magħna u fostna, aħna min aħna. Din il-qawwa, li tfisser il-ħniena tiegħu għalina, tagħtina wkoll il-qawwa nkunu preżenza sabiha għal xulxin.
Ejjew nirriflettu ftit fuq il-kelma present (rigal). F’dawn il-jiem, aħna nħabblu moħħna kif se nixtru rigali sbieħ lil xulxin. Il-present huwa mod kif jiena nkun preżenti fil-ħajja ta’ min inħobb. L-ewwel present huwa Ġesù, Alla magħna, u r-rigali li nagħtu lil xulxin, is-sinjali tas-solidarjetà li nesprimu, anke bl-għotja ġeneruża għal kawża importanti tal-Community Chest Fund, irid ikun mhux biss għotja ta’ flus, jew inkella taħbil il-moħħ, imma espressjoni ta’ rieda li nkunu preżenza sabiħa għal xulxin. Dan nawgura lilkom, u mill-qalb nagħti l-Milied it-tajjeb lill-poplu Malti u Għawdxi.
✝ Charles Jude Scicluna
Isqof titulari ta’ San Leone
Amministratur Appostoliku ta’ Malta