• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     


  • Il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Raħal Ġdid

    26 ta’ Diċembru 2018

    L-ewwel nett nixtieq nirringrazzjakom talli ġejtu għal din il-Quddiesa. Illum qegħdin niċċelebraw il-festa ta’ San Stiefnu. L-isem Stiefnu jfisser ‘kuruna’. Dan iż-żagħżugħ kien ġej minn kultura Griega u għalhekk ismu wkoll ġej mill-Grieg; kien intagħżel mill-appostli ma’ sitta oħra biex ikunu jistgħu jaqdu fl-imwejjed.

    Li ġara huwa li bħalma aħna nagħmlu llum, il-Knisja kienet tagħmel il-ġbir imbagħad jitqassam skont il-bżonnijiet ta’ kulħadd. Għalhekk kienu wkoll jaqdu fl-imwejjed. Bħalma għamilna lbieraħ— u minn hawnhekk nirringrazja lil Fr Charles Cordina u lill-Caritas—fil-Kurja lqajna 560 persuna li ġew għall-ikla tal-Milied. U kien hemm diversi voluntiera jaqdu fl-imwejjed.

    Imma aħna ħafna drabi naħsbu li l-ewwel Insara kienu perfetti. Mill-bidu nett kien hemm il-kwistjonijiet għaliex kienu qed jippreferu lil-Lhud u lill-Griegi kienu qed iħalluhom lura meta jqassmu. U nqalgħet kwistjoni bħalma jinqala’ kullimkien u f’kull familja wkoll. L-appostli qalulhom: “Mhux sewwa li aħna nħallu l-Kelma ta’ Alla biex naqdu  fl-imwejjed. Mela, l-aħwa, ħudu ħsieb u agħżlu minn fostkom sebat irġiel li għandhom isem tajjeb u li huma mimlijin bl-Ispirtu u bl-għerf, u nħallu din il-ħidma f’idejhom. U aħna nagħtu ruħna għat-talb u għall-ministeru tal-Kelma” (Atti 6, 2-4).   

    Wieħed minnhom kien Stiefnu, imma dan Stiefnu ma kienx biss qaddej fl-imwejjed, kien ukoll bniedem ta’ fidi kbira. Fil-fatt San Luqa fil-ktieb li kiteb wara l-Evanġelju tiegħu, l-Atti tal-Appostli, fost affarijiet oħra jirrakkonta dwar il-miġa ta’ San Pawl f’Malta u jirrakkonta wkoll kif kien jitkellem Stiefnu. Għalkemm kien mill-kultura Griega kien jaf ħafna l-Iskrittura għax kien Lhudi   tar-reliġjon Lhudija imma ta’ nisel Grieg. Beda jipperswadi lil sħabu l-Lhud li ma kinux Insara li Ġesù huwa l-Messija. Il-kliem tiegħu ma għoġobhomx, u bħalma għamlu ma’ Ġesù, akkużawh li kien qed jidgħi. U ta’ din id-dagħwa li akkużawh biha kkundannawh għall-mewt. Il-ħabib tagħna qralna l-biċċa tar-rakkont fejn jitkellem dwar il-kundanna ta’ Stiefnu u l-mod kif ħaġġruh (ara Atti 6, 8-10; Atti 7, 54-59). 

    Imma dak li jolqotna fir-rakkont huwa li Stiefnu jagħmel l-istess bħalma għamel Ġesù fuq is-salib. Ġesù, fuq is-salib, fost is-seba’ kelmiet li qal lill-Missier, qal din il-frażi l-għażiża:    “Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). U qabel miet Stiefnu qal kliem bħal ta’ Ġesù: “Mulej, tgħoddulhomx dan id-dnub” (Atti 7:60). Frażi oħra li Stiefnu jgħid bħal ta’ Ġesù fuq is-salib hija: “Mulej ilqa’ r-ruħ tiegħi” (Atti 7:59). Ġesù jgħidha lill-Missieru: “F’idejk jien nerħi ruħ” (Lq 23:46), waħda mis-seba’ frażijiet li nfakkru fil-Ġimgħa l-Kbira. Stiefnu din il-kelma jgħidha lil Ġesù stess: “Mulej, ilqa’ r-ruħ tiegħi”.  

    X’inhi t-tagħlima importanti? Li l-martri, ix-xhud ta’ Ġesù, li jagħti ħajtu għal Ġesù, jixbah lil Ġesù mhux biss bil-mod kif imut għall-fidi tiegħu, xi ħaġa li għadha tiġri sal-lum, l-aħwa. Sal-ġurnata mqaddsa tal-lum ħafna Nsara ppersegwitati maqtula minħabba l-fidi tagħhom. Imma l-martri huwa xhud li jimita lil Ġesù, bil-mod kif jaħseb Ġesù. U Ġesù jgħidilna biex inħobbu lil xulxin u fl-Evanġelju ta’ San Mattew jgħidha ċara: “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom” (Mt 5:44).

    … min jeħodlok il-paċi ta’ qalbek ikun seraqlek l-aqwa ġid!    

    Fil-bidu tal-Quddiesa għedtilkom li din hija l-iżjed imħabba diffiċli. Ġesù stess jgħidilna li faċli tħobb lil min iħobbok. Imma lil min għamillek id-deni kif ser tħobbu? Diffiċli ħafna! Imma l-Mulej jagħtina dan il-parir li mhuwiex faċli, bħal ħafna kliem tal-Mulej, bħall-kmandamenti ta’ Alla, imma li warajhom hemm fidi li ttik il-paċi tal-qalb. Jista’ jkollok il-ġid kollu tad-dinja imma jista’ jkollok xi ħadd li meta taħseb fih titlef il-paċi ta’ qalbek. Dak ikun seraqlek l-aqwa ġid għax min jeħodlok il-paċi ta’ qalbek ikun seraqlek l-aqwa ġid!

    Hu ġie biex jagħtina din il-maħfra: il-qawwa li nħobbu fejn diffiċli tħobb.                      

    Allura l-Mulej Ġesù, li jaf aħna kif aħna magħġuna u minn xiex aħna magħġuna, qed jagħtina parir: trid il-paċi tal-qalb tiegħek? Aħfer! Tgħidli: ‘Diffiċli’. Naf. Għalhekk għandna bżonn l-għajnuna tiegħu għax f’ċerti affarijiet ma naslux weħidna. Hu stess qalilna: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn”. Hu ġie biex jagħtina din il-maħfra: il-qawwa li nħobbu fejn diffiċli tħobb. Għandna tant sitwazzjonijiet fil-ħajja, fis-soċjetà u fil-familja u saħansitra hawn ġew stess li joħolqu diffikultajiet, tbatija u rabja. Imma x’se nagħmlu? Se nittieklu minn ġewwa jew bl-għajnuna ta’ Alla se nfittxu l-paċi tal-qalb?    

    Nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-Aħwa Kappuċċini li jagħtukom dan is-servizz tas-sagramenti, il-Quddies, il-Qrar u nħajjarkom  biex tirrikorru għand il-patri biex tqerru. Aħna lkoll kemm aħna għandna bżonn il-maħfra ta’ Alla u l-maħfra ta’ Alla żżommok u turik fejn hemm bżonn tikber fil-ħajja tiegħek u l-Mulej jagħtik il-paċi tal-maħfra tiegħu.   

    Jiena nixtieq nirringrazzja ħafna lill-Kapuċċini talli taw ħafna u ħafna snin ta’ servizz f’dan il-post. U mhux biss nawguralhom aktar vokazzjonjiet imma wkoll nawgura lilkom li din l-opportunità li qed jagħtikom il-Mulej permezz ta’ dawn il-patrijiet, tieħdu l-frott minnha u tikkoperaw. Meta jkun hemm Quddiesa, inti tista’ toqgħod fil-kamra jew ma’ sħabek tilgħab logħba ċess jew tagħmel affarijiet oħra, imma tista’ tgħid ukoll: ‘Ħa mmur nisma’ Quddiesa la għandi ċ-ċans’. L-għażla f’idejk għax xejn mhu bilfors fejn jidħol ir-reliġjon. Imma l-istedina qed jagħmilhielek il-Mulej. Is-suġġeriment li nagħtikom bħala ħukom huwa li jalla f’dan il-post issiru iktar midħla tiegħu.

    Illum nitolbu ħafna l-interċessjoni ta’ San Stiefnu. San Ġorġ Preca bħal-lum kien jgħid lis-soċji tiegħu—u għadhom— biex jaqraw ittra ċkejkna li kiteb dwar il-manswetudni. X’inhi l-manswetudni? Il-manswetudni hija r-rieda soda li taħfer lil min jagħmillek id-deni u li taħfer lill-għadu tiegħek. Din hija ittra li San Ġorġ Preca kiteb lill-poplu kollu għax kien jemmen li jekk ma nagħmlux hekk qatt mhu se jkollna l-paċi. U kellu raġun!

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta