L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Bix-xieraq niċċelebraw it-titular ta’ dan il-Katidral, il-konverżjoni ta’ San Pawl. Anke għaliex fil-konverżjoni tiegħu, l-Appostlu Missierna, aħna naraw, nqimu, u nfakkru l-konverżjoni tagħna. Stedina li aħna nbiddlu l-ħsieb tagħna, u dejjem naħsbu fil-Mulej Ġesù, u kif jaħseb il-Mulej Ġesù.
Din is-sena partikolari li fiha pajjiżna jagħlaq sittin sena bħala Stat Sovran, 50 sena Repubblika, nixtieq nitlob ħafna l-interċessjoni tal-Appostlu Missierna fuq il-poplu tagħna. Il-konverżjoni tiegħu, tkun ukoll stedina għalina, biex aħna niltaqgħu ma’ Ġesù, nilqgħu mingħandu l-istedina li nwassluh lil oħrajn, u nagħmlu l-esperjenza sabiħa ta’ min jgħaddi mid-dlam għad-dawl. Nistgħu ngħidu li dawn l-esperjenzi li jirrakkonta l-Appostlu Missierna stess, huma wkoll fil-qosor, il-proċess u l-esperjenza ta’ min jiltaqa’ mal-Mulej, u jibda jifhem xi jrid il-Mulej minnu. L-ewwel nett li niltaqgħu mal-Mulej Ġesù. Tgħiduli, kif? Se jidhirli bħalma deher lill-Appostlu Missierna? Tana l-mezzi li huma qawwija ħafna; l-Kelma tiegħu; l-familja tiegħu, li hi l-Knisja. Imma anke ċ-ċirkustanzi kollha ta’ ħajjitna, l-Mulej jagħtina dawl biex nifhmu l-vuċi ħelwa tiegħu fiċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna. Imma hija wkoll laqgħa li tibdel il-mod kif naraw l-affarijiet. San Pawl Appostlu Missierna, fit-triq ta’ Damasku tilef id-dawl, u l-Mulej Ġesù jindikalu l-Knisja, “Qum u mur Damasku. Hemm jgħidulek kulma għandek tagħmel” (Atti 22:10). Jitgħammed Damasku, jiltaqa’ ma’ Ġesù, mhux biss fit-triq ta’ Damasku, imma anke fis-Sagramenti. L-Appostlu Missierna tgħammed, bħalma tgħammidna aħna. Għalkemm iltaqa’ ma’ Ġesù fit-triq ta’ Damasku, l-Mulej jindikalu t-triq tal-Knisja u tas-Sagramenti fil-laqgħa tiegħu. Xi ħaġa li tagħmel lill-Appostlu Missierna qrib ħafna tagħna. Hu seta’ jgħid, jiena smajt il-leħen, rajt lil Ġesù, imma Ġesù jindikalu l-komunità, l-Knisja; jindikalu s-Sagramenti; jindikalu wkoll missjoni, u jsejjaħ lilu nnifsu Appostlu, għaliex mill-bidu nett iħossu mibgħut minn Ġesù.
L-Appostlu Missierna ma jistħix, u għalkemm kien jimbarazzah, isemmi l-passat tqil tiegħu. Ma kellux diffikultà, ħafna drabi jirrepeti minn fejn ġie, x’għamel; imma dejjem kien jagħmel hekk biex jinsisti, mhux fuq in-negattiv, imma kemm uża miegħu ħniena l-Mulej Ġesù. Din mhux ukoll l-istorja ta’ ħajjitna? Il-festa tal-konverżjoni tal-Appostlu Missierna, tkun ukoll stedina għalina, biex nieqfu ftit u nistaqsu lilna nfusna, u nagħmlu dan il-ħsieb, l-aħwa: ‘kemm-il darba, l-Mulej, ħenn għalija’. U dak kollu li aħna nagħmlu, u li jkun ta’ ġid, huwa frott tal-imħabba b’xejn, tal-grazzja, il-kelma sabiħa li juża ħafna drabi San Pawl: ‘tal-grazzja tal-Mulej Ġesù’. “Qawwija hi l-grazzja tiegħu għalina” (Salm 116:2). Dan hu wkoll is-Salm 116, li jiġbor ukoll l-esperjenza tal-konverżjoni tal-Appostlu Missierna, esperjenza qawwija tal-grazzja tal-Mulej għalih, tal-imħabba tal-Mulej għalih.
Ejjew nitolbu wkoll lill-Appostlu Missierna, jinterċedi għal pajjiżu. Hu twieled Tarsu, fit-Turkija tal-lum; imma kien ukoll midħla ħafna tal-Lvant Nofsani, ta’ Ġerusalemm, fejn trabba f’riġlejn Gamaljel, tgħammed f’Damasku, fis-Sirja. Nitolbu ħafna l-interċessjoni tal-Appostlu Missierna għall-paċi f’dan ir-reġjun. Fis-Sirja, fil-Palestina, f’Israel.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-Quddiesa
L-Ewwel Qari: Ġona 3:1-5,10
Salm: 24 (25):4bċ-5ab,6-7bċ,8-9
It-Tieni Qari: 1 Kor 7:29-31
L-Evanġelju: Mk 1:14-20