• Il-Ħadd 30 ta’ Ottubru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa f’attivita’ għall-familji kollha, fil-Ġublew tal-Ħniena, fis-Seminarju Tal-Virtù, ir-Rabat.

     

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Is-Seminarju, Tal-Virtù, Ir-Rabat

    30 ta’ Ottubru 2016

    Ftit hemm nies fil-Bibbja li nafu kemm kienu twal jew qosra; pero nafu li Żakkew kien raġel għani u pubblikan, dak li jiġbor it-taxxi. Nifhmu li ma kienx bniedem popolari ħafna, u kien anke mistmerr. In-nies meta jirrealizzaw li Ġesù ddeċieda jmur id-dar ta’ Żakkew, jgħidu bejniethom li “għand wieħed midneb daħal jistrieħ” (Lq 19, 7) u kważi jitkażaw bih.

    Ġesù jgħid ukoll li Żakkew kien donnu mitluf għaliex l-Evanġelju (Lq 19, 1-10) hekk jikkonkludi: “jiena ġejt insalva lil mitluf” (v. 20).  Żakkew kien ukoll bniedem ta’ kurżita’ kbira; il-kurżita’ tiegħu salvatu. Xtaq jara’ lil Ġesù, jaf li fil-folla mhux se jirnexxilu, hu li kien għani li kien kap tal-Pubblikani, jitla’ fuq siġra tat-tin selvaġġ biex jilmaħ lil Ġesù, imma l-ħarsa ta’ Żakkew li tipprova tilmah lil Ġesù, tiltaqa’ wkoll mal-wiċċ ħanin tal-Mulej li jħares ’il fuq, ifittex lil Żakkew u meta ż-żewġ ħarsiet: il-ħarsa kujuża ta’ Żakkew u l-ħarsa kollha mħabba, kollha ħniena ta’ Ġesù, jiltaqgħu, fil-qalb ta’ Żakkew u fid-dar tiegħu tidħol is-salvazzjoni u Żakkew jinbidel.

    “Illum jeħtieġli noqgħod għandek” (v. 5). Hija għażla partikolari ta’ Ġesù. Ġeriko kienet belt kbira. Ġeriko hija waħda mill-bliet l-iżjed antiki fiċ-ċiviltà umana. Hija wkoll belt mibnija f’fondoq kbir, hija waħda mill-ibliet l-iżjed f’sitwazzjoni fiżikament baxxa fid-dinja. Il-Mulej li niżel mis-sema, Iben Alla, sar bniedem, jinżel lejn Ġeriko biex jiltaqa ma’ dan ir-raġel. Lilna wkoll jagħtina lezzjoni ħelwa li tagħmlilna kuraġġ kbir għaliex il-Mulej ġie jfittex, jgħid hu stess, u jsalva lilna li ħafna drabi mgħobbijin bit-toqol tad-dgħufija tagħna, bid-dnubiet tagħna, kif jgħidilhom il-Papa Franġisku “sitwazzjonijiet ikkumplikati tal-ħajja tagħna, sitwazzjoniiet komplessi”.  Inti jkollok pjan fil-ħajja tiegħek, anke fil-ħajja tal-familja u kollox isirlek suf, kollox jiġi żmerċ. Il-Mulej ifittxek biex jidħol għandek u jwasssallek s-salvazzjoni.

    Żakkew mhux biss kien bniedem qasir, Pubblikan, għani, imma Ġesù kien ukoll jinsisti li “dan ukoll bin Abraham” (v. 9). Minkejja d-difetti tiegħu, minkejja l-fama ħażina li kellu, il-Mulej jinsisti li Żakkew huwa bin Abraham. Xi tfisser din? Huwa bniedem imsejjaħ għall-milja tal-fidi, huwa bniedem imsejjah biex ikun wieħed minna, mill-poplu ta’ Alla  u Ġesù allura, bil-pulit, meta jinsisti “għax dan ukoll bin Abraham” qiegħed jgħidilna “teskludu lil ħadd, ilqgħu lil kulħadd fil-laqgħat tagħkom, fostkom, fil-qalb tagħkom”. Kemm hi kelma sabiħa wkoll din il-kelma ta’ Ġesù li mhux biss bil-fomm imma anke bil-ġesti għall-ħajja tal-familji tagħna.

    Illum qegħdin infakkru wkoll Jum il-Bibbja u qed niltaqgħu ma’ Ġesù permezz ta’ din il-Kitba li wasslilna San Luqa. Kemm għandna x’nirringrazzjaw lill-Mulej li ħallielna dawn il-Kitbiet qaddisa li permezz tagħhom nistgħu niltaqgħu mal-Qalb ta’ Ġesù u mal-ħniena tiegħu. Nistgħu nixtarru fuq il-ġesti, il-kliem u l-ħarsa tiegħu.

    Hemm kambjament sabiħ fil-ħajja ta’ Żakkew meta jiltaqa’ ma’ Ġesù. “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra jekk qarraqt b’xi ħadd, inroddlu għall-erba’ darbiet iżjed” (v. 8). Il-laqgħa ta’ Żakkew ma’ Ġesù wrietu mħabba tant kbira li hu se jibda jimitah. Nofs ġidu mhux se jkompli jgawdih hu, imma għall-foqra. Ifakkarna f’dak li Ġesù jgħid “kont bil-ġuħ u tmajtni, kont bil-għatx u sqejtni, kont għeri u libbistni”. Żakkew, wara li ltaqa’ ma’ Ġesù, jibda jgħix din l-imħabba profonda li tħares lejn il-fqir, mhux tkasbru jew tinsih, imma tagħmel xi ħaġa biex tgħolli d-dinjità tiegħu.

    Żakkew jmur lil’hinn minn dak li titlob il-ġustizzja. Il-ġustizzja titlob li jekk inti ħadt xi ħaġa li mhix tiegħek, terġa’ troddha. Żakkew patta “…għal erba’ darbiet iżjed”. L-imħabba ta’ Żakkew tiżboq il-ġustizzja tagħna l-bnedmin. Dak li Ġesù jgħidlek “jekk xi ħadd jitlob timxi mil miegħu, imxi tnejn, jekk jitolbok il-libsa tih il-mantar”. Hija mħabba diffiċli, imħabba li ħafna ommijiet u missirijiet jgħixu ta’ kuljum fil-familja. Kemm-il darba intom lil uliedkom mhux tagħmlu dak li hemm bżonn, imma iżjed, għax l-imħabba m’għandhiex limiti u din hija xi ħaġa, barka, li jiena nirringrazzja ’l Alla tagħha, barka li għandna fost ħafna familji Maltin u Għawdxin.

    Illum u niċċelebraw flimkien il-Ġublew tal-Ħniena għall-familja qed nitolbu lill-Mulej  biex il-ħarsa tiegħu tiltaqa’ mal-ħarsa tagħna, u nħalluh jgħallimna li hu qed ifittex jiltaqa’ magħna, ħerqan biex jidħol fid-djar tagħna. “Illum f’din id-dar waslet, daħlet is-salvazzjoni” (v. 9). U din is-salvazzjoni x’inhi?  Mhijiex ideoloġija, mhux ktieb. Din is-salvazzjoni hija persuna, daħal Ġesù fid-dar ta’ Żakkew, iltaqa’ ma’ martu, ma’ wliedu, u daħlet is-salvazzjoni. Jalla fid-djar tagħna meta jħabbat il-bieb Ġesù, isib min jilqgħu, min jiftaħlu l-bieb. Jalla fid-djar tagħna tidħol il-ħniena ta’ Ġesù, tidħol is-salvazzjoni.

     Charles J. Scicluna         
         Arċisqof ta’ Malta

  • Photos: Curia Communications Office