L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Hi providenzjali li l-festa, solennità, li qed niċċelebraw illum ta’ Marija Annunzjata hija lejlet iċ-ċelebrazzjoni tal-Madonna tad-Duluri.
Għall-ewwel, meta tara ż-żewġ ġrajjiet li jirrappreżentaw, tgħid: hemm baħar jaqsam! Hemm differenza kbira bejn ġrajja u oħra.
Żewġ ġrajjiet f’kuntrast
Fil-fatt, fil-festa ta’ Marija Annunzjata aħna niċċelebraw il-bidu tal-ħajja, il-bidu tal-ħajja ta’ Ġesù proprju fil-mument tat-tnissil. Għalhekk hi ċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja. L-anġlu semmielha li kien se jitwieled Ġesù, imma hu proprju llum li aħna niċċelebraw il-bidu tal-ħajja għax, kif nafu, il-ħajja tibda mat-tnissil. Għalhekk hi ċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja. Għada mmorru fit-tarf, hu proprju l-mument tal-mewt: Marija qiegħda taħt is-salib meta Ġesù qed imut, proprju fl-aħħar mumenti meta se jmut.
Fil-festa tal-lum, aħna niċċelebraw it-tislima sabiħa li għamlilha l-anġlu Gabrijel “Sliem, għalik” – ifraħ, għax din hi aħbar ta’ ferħ. Għada aħna niċċelebraw lil Marija fil-mument tad-dulur, tad-dispjaċir, tad-dwejjaq.
Illum aħna qegħdin niċċelebraw din il-ġrajja li tnissel ħafna paċi: paċi fid-dar ta’ Nażaret, u paċi fil-ġuf ta’ Marija fejn tnissel Ġesù. U għada, meta naraw lil Marija taħt is-salib, Marija Addolorata, dan kien il-mument ta’ ħafna insulti, il-mument ta’ ħafna nies li joħolqu dak kollu li hu kontra l-paċi.
Għalhekk, meta naraw din il-ġrajja mal-ġrajja ta’ għada, naraw kuntrast kbir, differenza kbira. Imma, fil-fatt, hemm ħaġa importanti li tgħaqqadhom flimkien. Din insibuha fil-kelmiet li hawn illum fl-Evanġelju, fis-Salm, u fl-Ittra lil-Lhud: il-kelmiet “hawn jien”.
Żewġ ġrajjiet magħquda flimkien
Illum aħna niċċelebraw il-mument meta Marija qalet “Hawn jiena l-qaddejja tal-Mulej…” U għada niċċelebraw il-mument meta Marija kienet qed tgħid “Hawn jien” taħt is-salib. Illum niċċelebraw il-mument meta Ġesù jitnissel fi ħdanha – “hawn jien”. U għada meta Ġesù jtemm dak li talab minnu l-Missier biex isalvana – “hawn jien”. Fil-fatt, hu dak li għedna fis-Salm u bi kliem jixtibah fit-tieni qari, “Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek”; imbagħad Marija qalet: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek.”
Hija “iva” li sserraħ fuq il-Kelma ta’ Alla, kollha fiduċja li l-kelma ta’ Alla hija vera. Anke meta ma tistax tara ċar, il-Kelma ta’ Alla hi vera u għalhekk timxi magħha.
L-“iva” ta’ Marija
Fil-kelmiet “hawn jien” hemm l-“iva” ta’ Marija. Il-Papa Franġisku għandu riflessjoni sabiħa fuq l-“iva” ta’ Marija, fl-Eżortazzjoni Appostolika liż-żgħażagħ Christus vivit (Kristu jgħix). Hu jgħid, proprju fuq il-ġrajja li qed niċċelebraw illum, li l-“iva” ta’ Marija “dejjem timpressjona”. Jgħid x’ma kinitx u x’inhi l-“iva” ta’ Marija.
Ma kinitx “iva” ta’ rassenjazzjoni passiva jew speċi, ħeqq x’tista’ tagħmel! Ma kinitx hekk.
Ma kinitx “iva” li tgħid: Iva, imbagħad naraw x’jiġri. Il-Papa Franġisku jgħid li f’Marija qatt m’hemm “imbagħad naraw x’jiġri”.
Ma kinitx “iva” għax Marija fehmet għalkollox dak li kienet dieħla għalih.
Ma kinitx “iva” għaliex Marija serrħet fuq il-kapaċità tagħha.
Imma kienet “iva”, jgħid il-Papa, determinata.
Kienet “iva” li hi tgħidha, avolja ma tistax tifhem dak kollu li dieħla għalih.
Kienet “iva” mhux mibnija fuq il-kapaċità tagħha, imma fuq il-grazzja ta’ Alla – dak li jgħidilha Gabrijel “bil-grazzja mimlija”. Jiġifieri: dan don ta’ Alla li qed jagħtik; l-“iva” tiegħek hi li tiftaħ qalbek għalih. L-isem Gabrijel, fil-fatt, ifisser “il-qawwa ta’ Alla” – jiġifieri din hi l-grazzja li qed jagħtik Alla bil-qawwa tiegħu; int tista’ twieġeb għaliha. Għalhekk l-“iva” ta’ Marija hija risposta bil-grazzja ta’ Alla.
Hija “iva” li sserraħ fuq il-Kelma ta’ Alla, kollha fiduċja li l-kelma ta’ Alla hija vera. Anke meta ma tistax tara ċar, il-Kelma ta’ Alla hi vera u għalhekk timxi magħha. Dak hu s-sens tal-kliem li qalet Marija: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”.
“Hawn jien” ħajjitha kollha sa taħt is-salib
Dak li qalet dakinhar – fil-ġrajja li qed niċċelebraw illum – Marija kompliet tgħix il-mumenti kollha tal-ħajja tagħha. “Hawn jien” li qalet dakinhar f’Nażaret, hi kompliet tgħidha b’din il-fiduċja f’Alla fil-mumenti kollha tal-ħajja tagħha. Speċjalment, imbagħad, fil-mument taħt is-salib, meta qed tara lil Ġesù msallab, hemmhekk hi l-ikbar prova għaliha tal-“iva” li qalet dakinhar lill-anġlu Gabrijel.
[Marija] ssir omm Alla, meta tnissel Ġesù fiha; u taħt is-salib issir ommna bil-kliem ta’ Ġesù. Għalhekk aħna għandna din l-omm li takkumpanjana, li timxi magħna l-mixja ta’ ħajjitna
Għalhekk hemm rabta kbira bejn il-ġrajja tal-lum u l-ġrajja li niċċelebraw għada ta’ Marija Addolorata. Immaġinaw lil Marija taħt is-salib, hi li dejjem serrħet fuq il-Kelma ta’ Alla. U tiftakar dak li l-anġlu Gabrijel kien qalilha – smajnieh fl-Evanġelju llum – “Hu jkun kbir u jkun jissejjaħ bin l-għoli; il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru; u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.” U hi qed tħares lejn Ġesù fuq is-salib u qed tara, minn barra, eżatt il-kontra ta’ dak li qalilha l-anġlu. “bin l-għoli” – fejn hu jekk imsallab? “Jagħtih it-tron ta’ David Missieru” – it-tron hu s-salib bħalissa. “U jsaltan għal dejjem” meta tarah qed imut? Hi tkompli temmen, għax dik l-“iva” li qalet dakinhar f’Nażaret, fil-ġrajja tat-Tħabbira tal-Mulej, hi kompliet tgħidha, anke fil-mument tal-akbar tbatija, taħt is-salib. Għalhekk għexitha dik l-“iva” – “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”. U ż-żmien ta raġun lil Marija. Dak li rat minn barra, fil-fatt, ma kienx it-tmiem tal-istorja. Għalhekk meta Ġesù qam mill-mewt, issiġilla l-fiduċja sħiħa ta’ Marija li ħarġet għall-ewwel darba fil-ġrajja ta’ Nażaret u li kompliet tgħixha ħajjitha kollha.
Omm li tgħidilna “hawn jien”
Hemm ħaġa interessanti ħafna għalina fir-rabta ta’ Marija llum u Marija taħt is-salib. Hawnhekk issir omm Alla, meta tnissel Ġesù fiha; u taħt is-salib issir ommna bil-kliem ta’ Ġesù. Għalhekk aħna għandna din l-omm li takkumpanjana, li timxi magħna l-mixja ta’ ħajjitna, li tgħidilna “hawn jien”, lilna issa. Dak li qalet lill-Mulej, tgħidu lilna: hawn jien biex nieħu ħsiebkom, hawn jien biex inħariskom. Hawn jien biex ngħinkom fil-ħajja, biex aħna lkoll inwieġbu bħalha: “Hawn jien … Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”.
Għalhekk illum, waqt li nagħmlu din iċ-ċelebrazzjoni sabiħa fil-parroċċa tagħna, nitolbu lil Marija biex takkumpanjana bħala omm, biex tgħinna ħalli bħalha aħna bħalha nwieġbu: “Hawn jien … ħa jsir minni skont kelmtek”. Tgħinna fil-mument ta’ tbatija, u nafu kemm hawn nies għaddejjin minn tbatija, anke familji – fil-parroċċa tagħna wkoll, f’pajjiżna u f’tant pajjiżi oħra fid-dinja, speċjalment f’din l-aħħar sena minħabba l-pandemija. Nafu kemm neħtieġu din l-għajnuna ta’ Marija, speċjalment biex aħna qatt ma nintelqu, qatt ma naqtgħu qalbna. Hi l-omm li tagħtina t-tama, l-omm li tmexxina ’l quddiem, hi l-omm li rat ħafna tbatija, u għalhekk tifhimna fit-tbatijiet tagħna.
Għalhekk nitolbuha biex tieħu ħsieb lilna, il-familji tagħna, il-parroċċa tagħna ddedikata lilha – il-parroċċa ta’ Ħal Balzan – tieħu ħsieb il-Knisja f’Malta. Tieħu ħsieb lilna lkoll, ħalli aħna tassew nistgħu bħalha ngħixu bil-fiduċja sħiħa f’Alla, fil-grazzja tiegħu, bil-paċi li jagħtina hu, u bħalha f’ħajjitna nwieġbu wkoll: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju