L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Iħenn għalina Alla, u jberikna” (S 67:2). Kemm hi sabiħa din it-talba li għedna bħala responsorju għas-Salm 67. Hija propju t-tieni vers ta’ dan is-salm li tiġbor fiha t-talba li toħroġ minn qalbna fi tmiem din is-sena u lejlet il-bidu ta’ sena ċivili ġdida.

“Iħenn għalina Alla” hija talba u fl-istess ħin hi att ta’ fidi u att ta’ tama. Hija att ta’ fidi li Alla jeżisti, li jaf jagħder u jħobb u għalhekk, iħenn. Huwa att ta’ tama għaliex mingħajr il-ħniena tiegħu min jaf x’jiġri minna. Imma hija talba wkoll.

Forsi n-numri tal-pandemija jġiegħlu din it-talba, “iħenn għalina Alla”, toħroġ mill-qalb tagħna għax donnu f’dawn l-aħħar xhur — u issa se nibdew ngħoddu s-snin — irrealizzajna li l-ħolma tal-poter, tas-setgħa u tal-omnipotenza tal-bniedem hija biss frugħa. Virus ċkejken li ma jidhirx irnexxielu jniżżilna għarkopptejna. Jalla din l-umiljazzjoni ma tkunx għalina ta’ disperazzjoni imma ta’ umiltà għarfa, ta’ umiltà mhux li tkissirna imma li timliena bl-għerf tassew.

Nikkwota t-talba għażiża li kien iħobb jgħidilna San Ġorġ Preca: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”. Ejjew nagħmlu eżami tal-qalb u l-moħħ tagħna matul ix-xhur li għaddew. Kemm-il darba bħala individwi u bħala soċjetà warrabna lil Alla! Mingħajr ħafna kliem għednhielu li m’għandniex bżonnu u li aħjar ngħaddi kif jien. Illum, fi tmiem din is-sena ikun tagħna l-kliem ta’ għaqal u għerf li joħroġ minn fommna: “Iħenn għalina Alla” għax aħna għandna bżonnu tassew.

“Iħenn għalina Alla u jberikna”. Il-barka ta’ Alla hija barka ta’ missier għax intom ulied. “U Alla  bagħat lil Ibnu mwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi,” jgħidilna l-Appostlu Missierna fl-Ittra lill-Galatin, “biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied. U għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat: Abba! Missier!” (Gal 4:5-6). Il-barka ta’ Alla hija għalina l-barka ta’ missier. Missier x’jagħmel? Iħobb, jagħder, jifhem, iħenn, jagħlaq għajn waħda, jagħlaq għajnejh it-tnejn, kultant itarrax ftit widintu wkoll għax dak huwa l-lingwaġġ tal-imħabba mal-ulied, l-imħabba li ħafna drabi tissarraf fil-paċenzja.       

Il-barka ta’ Alla hija wkoll barka ta’ omm u għalhekk, illum, aħna u nibdew dan il-jum solenni li fih infakkru l-maternità divina ta’ Marija ta’ Nazaret, din ix-xebba umli, irżina, mingħajr ebda pretensjoni, magħżula minn Alla biex tkun omm l-Iben tiegħu magħmul bniedem, niftakru fil-misteru kbir tal-maternità, fil-ħarsa tal-Omm lejna b’dawk l-għajnejn ta’ ħniena. Mhux hekk ngħidulha fis-Salve Regina? “Ħares lejna b’dawk l-għajnejn tiegħek tal-ħniena”. B’din it-talba niskopru li dak li qed nitolbu lill-Missier tas-sema qed nitolbuh ukoll lil omm Ġesù li ħdejn is-salib ta’ binha saret l-omm ta’ kull wieħed u waħda minna.

Hi kellha qalb kbira, qalb li setgħet tgħożż dak kollu li rat, dak kollu li semgħet. Imma fuq kollox kellha qalb ta’ omm li biex taċċetta r-rieda ta’ Alla fuqha aċċettat l-isfida tal-umiljazzjoni, tal-kalunja, tal-ħars mistkerrah u z-zekzik tan-nies. Ġużeppi pprova jipproteġiha minn dan kollu billi jtellaqha bil-moħbi bil-kwiet. Imma l-Mulej kellu pjanijiet oħra. “Tibżax tilqa’ għandek lil Marija għax dak li tnissel fi ħdanha huwa mill-ispirtu qaddis tal-Mulej” (Mt 1:20).

Illum aħna naduraw dan il-misteru kbir tal-omm magħżula minn Alla biex twelled lil ibnu magħmul bniedem, din it-tarbija li ssir sinjal għall-imwarrbin kollha tas-soċjetà, għal kull wieħed u waħda minna, sinjal ta’ tama u ta’ paċi. Għaliex fit-twelid ta’ Ġesù jitwieled ukoll is-sliem ta’ kull wieħed u waħda minna. Kemm hi sabiħa t-talba tal-barka li Mosè jgħallem lil Aron u lil uliedu: “Iħares lejk il-Mulej b’imħabba u jagħtik is-sliem” (Num 6:24).

Illum aħna nogħxew, nitbasktu, b’din il-ħarsa ta’ mħabba li hija l-ħarsa tal-Mulej fuq kull wieħed u waħda minna, aħna min aħna, aħna fejn aħna fil-pellegrinaġġ lejn is-sema. Il-Mulej iħares lejna b’imħabba u jagħtina s-sliem.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Num 6:22-27
Salm: 66 (67):2-3.5.6.8
Qari II: Gal 4:4-7
L-Evanġelju: Lq 2:16-21

Aktar ritratti >>