• Is-Sibt 12 ta’ Lulju 2014, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. iċċelebra Quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Pulizija u l-mitejn sena tal-Korp tal-Pulizija.

  • L-omelija tal-Arċisqof Pawlu Cremona O.P.

    Ħafna drabi smajna u doqna l-ħtieġa tal-Korp tal-Pulizija fil-ħajja tagħna. Huwa minn dan li joħroġ ir-rispett lejn il-Korp tal-Pulizija. Nistgħu ngħidu li dan sar tul l-istorja tal-Korp. Għalhekk, illum qegħdin niċċelebraw il-mitejn sena tal-Korp b’radd ta’ ħajr tal-poplu tagħna.

    Aħna kemm-il darba smajna bl-għemejjel ta’ kuraġġ tal-membri tal-Korp. Dawn nistgħu nisimgħu dwarhom fuq l-aħbarijiet. Dawn kienu għemejjel li jidhru fil-qadi ta’ dmirijiethom. Iżda llum xtaqt li niftakru x’ħassew ġewwa fihom dawn l-istess membri tal-Korp.

    Ir-rwol tal-Pulizija għandu x’jaqsam prinċipalment mal-libertà taċ-ċittadini. Il-libertà tinsab fil-qofol tad-dinjità tal-bniedem. Il-libertà hija mezz biex il-bniedem jiżviluppa; bil-libertà l-bniedem jagħmel l-għażliet tiegħu. Hawn jidħol ir-rwol tal-pulizija: li jara li l-libertajiet tal-ħafna jiġu koordinati u li jkun imħares id-dritt ta’ kull ċittadin f’dan ir-rigward. Il-Pulizija jħares liċ-ċittadin anki billi jħarsu minn xi elementi li jistgħu jillimitaw din il-libertà. Il-libertà hija spazju li kulħadd irid ikollu biex jikber fid-dinjità tiegħu. Biex jiddefendu dan id-dritt tal-libertà ġusta, min jaf kemm pulizija ssograw ħajjithom f’dawn il-mitejn sena.

    Jien illum xtaqt li nirrifletti mhux biss fuq l-għemil li jidher, iżda fuq dak li kienu għaddejjin minnu dawn il-pulizija. Min jaf għal-liema limiti wassalhom dan is-sens ta’ dover, il-biża’ li għelbu u l-ħniena lejn xi ħadd li kellu bżonn l-għajnuna tagħhom. Dan ma ġiex biss mit-taħriġ iżda wkoll mir-rieda biex jissieħbu fil-Korp tal-Pulizija u li jkomplu jaqdu d-dover li daħlu għalih.

    Hemm xi wħud li għamlu dan kollu, li sabu s-saħħa u l-kuraġġ fihom infushom biex iwettqu dak li kien hemm quddiemhom, unikament mis-sens ta’ dover. Iżda kien hemm ħafna wkoll li dan il-kuraġġ waslu għalih bis-sens tal-fidi Nisranija tagħhom. Il-ħidma tagħhom kienet esperjenza tal-għażliet li jkunu għamlu biex jgħixu ta’ Nsara tajbin, mhux biss meta jkunu ‘on duty’. Il-fatt hu li biex pulizija jasal biex jagħmel atti erojċi, irid ikollu prinċipji sodi. Ma jkunux biss iċ-ċirkustanzi tal-mument li jġegħluh jagħmel dan, iżda l-prinċipji li jkun intrabat magħhom. Fil-każ tan-Nisrani, dawn huma l-valuri Nsara. Dawn il-valuri jagħmluh lest biex f’kull ċirkustanza jaġixxi skont dak li hu tajjeb u mhux biss skont dak li jitlob minnu d-dover. Min ma jibnix dawn il-prinċipji fih, ma jkunx kapaċi jegħleb il-passjonijiet li jġegħluh jaħseb aktar fih innifsu milli fl-oħrajn.

    Ilum, fil-Vanġelu, il-Mulej qiegħed joffrilna prinċipji li żgur li jkunu ta’ għajnuna għan-Nisrani:

    Kellimna l-Mulej fuq il-valur ta’ kull persuna quddiem Alla: “Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu huwa magħdud, mela xejn la tibżgħu. Intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt”. Anki jekk bniedem jitlef ġieħu quddiem il-bnedmin, xorta jibqa’ maħbub minn Alla. In-Nisrani jrid iħares lejn kulħadd minn din il-perspettiva. Anke min jiżbalja u jikser il-liġi, xorta waħda jibqa’ bniedem li jistħoqqlu rispett. Ġesù dejjem għamel distinzjoni bejn id-dnub tal-persuna u l-persuna fiha nfisha.

    Fil-Vanġelu, Ġesù jgħidilna: “Biżżejjed għad-dixxiplu jekk joħroġ jixbah lill-imgħallem tiegħu.” Jekk wieħed jimxi fuq il-passi ta’ Ġesù, żgur li jimxi bi prinċipji sodi fit-triq it-tajba. Huwa jagħmel paragun ta’ dak li jkun se jagħmel mat-tagħlim ta’ Ġesù. Din tista’ tkun il-bażi fuq xiex jibni l-prinċipji tiegħu.

    Ġesù jgħidilna wkoll li l-għemejjel tagħna għandhom valur quddiem il-kuxjenza tagħna li hija gwida sigura: “U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma iktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern”. Il-kuxjenza tagħna tagħmlilna distinzjoni bejn x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Ġesù qed jgħidilna biex ma nħallux il-ħażen ta’ madwarna jidħol ġewwa fina u jħassarna fir-ruħ tagħna. Jekk wieħed iħalli l-ħażen jidħol ġewwa fih, isir korrott kollu kemm hu.

    Is-soċjetà għandha bżonnkom, mhux biss meta taqdu d-dover tagħkom, iżda għandha bżonn ukoll l-eżempju tagħkom. Il-poplu għandu stima tagħkom u jħares lejkom bħala ċittadini eżemplari. Għalhekk, minn qalbi inħeġġiġkom biex tkunu ta’ eżempju tajjeb kemm fil-qadi ta’ dmirijietkom kif ukoll fil-ħajja tagħkom ta’ kuljum.

    ✠  Pawlu Cremona O.P.

         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Photocity
    www.photocitymalta.com